Lokali
Ponte Ferries tħabbar li minn għada ma tistax topera minn u lejn Sqallija

Il-kumpanija Ponte Ferries ħabbret li mhux se tkun f’qagħda li tibda topera s-servizz bil-baħar lejn Sqallija wara azzjoni legali li fetaħ operatur kompetitur tagħha mal-awtoritajiet Sqallin. Dan wara li oġġezzjonaw li l-katamaran tagħha juża l-Port ta’ Augusta.

Fil-ġimgħat li għaddew, Ponte Ferries ħabbru li kellhom jibdew joperaw il-vjaġġi tagħhom lejn il-Port ta’ Augusta mis-6 ta’ Awwissu.

Madankollu fi stqarrija, il-kumpanija qalet li ma tistax tkompli b’dawn il-pjani wara li operatur kompetitur tagħhom, li ma jivvjaġġax lejn il-Port ta’ Augusta, fetaħ kawża fl-aħħar minuta kontra l-użu minn Ponte Ferries tal-port. Il-kumpanija qalet li hija kienet applikat biex tidħol u tuża dan il-port f’Novembru li għadda.

Biex tassisti lil dawk il-konsumaturi li laħqu bbukkjaw il-vjaġġ tagħhom, Ponte Ferries qalet li kriet ajruplan u se tipprovdilhom ukoll voucher bla ħlas għal servizz ta’ karozza tal-kiri.

Il-kumpanija qalet li dawk li laħqu bbukkjaw jistgħu wkoll jitolbu rifużjoni tal-biljett li ħallsu. Huma se jingħataw voucher li se jkunu jistgħu jużawh matul it-12-il xahar li ġejjin.

Il-kumpanija qalet li l-offerta tat-titjiriet għal dawk li bbukkjaw il-biljetti se tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa 13 ta’ Awwissu. Il-konsumaturi li bbukkjaw il-vjaġġ tagħhom wara din id-data se jingħataw rifużjoni sħiħa tal-biljett u voucher addizzjonali li jistgħu jużawh fit-12-il xahar li ġejjin.

Ponte Ferries ħabbret ukoll li waqqfet helpline għall-konsumaturi fuq in-numru 2799 8989. Il-klijenti jistgħu jċemplu fuq dan in-numru dwar bookings, rifużjonijiet tal-biljetti u vouchers. Il-pubbliku jista’ jibgħat email ukoll fuq [email protected]

Kelliem għall-kumpanija Ponte talab apoloġija lill-konsumaturi għall-inkonvenjent kbir li dan l-iżvilupp seta’ kkawża. Qal li l-kumpanija tifhem kemm il-jiem tal-btajjel huma importanti u qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isolvu din il-kwistjoni.