Lokali
“Predatur sesswali” jintbagħat 8 snin ħabs – kien jiffilmjaha bil-moħbi u jibqa’ jistupraha waqt li qed tibki

David Nicholas Xuereb ta’ 48 sena mill-Floriana ntbagħat tmien snin ħabs wara li nstab ħati li stupra mara li riedet ittemm ir-relazzjoni miegħu.

F’sentenza ta’ aktar minn ħamsin paġna ħareġ li Xuereb ma seta’ jaċċetta qatt li l-mara riedet ittemm ir-relazzjoni sigrieta ta’ bejniethom. Kien hawn li beda jheddida b’messaġġi, telefonati u emails kontra emails li jekk ma tmurx miegħu kien se jikxifha lis-sieħeb tagħha.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ f’Settembru tal-2017. Dan wara li oħt il-vittma marret l-Għassa tal-Belt tirrapporta li waslulha fuq Facebook filmati ta’ oħtha f’attività sesswali ma’ Xuereb.

Il-filmati nġibdu bil-moħbi minn Xuereb qabel kull attività sesswali li kien ikollu mal-vittma fl-uffiċċju tiegħu fil-Belt.

Il-vittma xehdet li għall-bidu r-relazzjonijiet intimi ta’ bejniethom kienu bil-kunsens. Madankollu meta ġiet biex twaqqaf ir-relazzjoni, Xuereb sar ossessjonat u beda jheddidha u jirrikattaha.

Qalet li kienet tibża’ mis-sieħeb tagħha, u għamlet minn kollox biex ir-relazzjoni ma’ Xuereb tibqa’ mistura b’dan tal-aħħar kien juża din il-biża’ biex iġegħelha jkollha x’taqsam miegħu anke meta fiżikament ma setgħetx tagħmel dan.

“Tidher li qiegħda tibki u David jibqa’ jkollu x’jaqsam magħha waqt li qed tibki” l-Ispettur Buhagiar

L-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Sharona Buhagair xehdu li l-vittma kienet għamlet ukoll rapport dwar revenge porn. Qalu li meta raw il-videos intebħu li kien hemm element ta’ stupru.

Xehdu li l-videos juru ċar u tond li l-mara kienet skomda tant li f’waqtiet minnhom tidher tinfaqa’ tibki u qabel kull attività sesswali kienet tgħidlu li ma riditx ikollha x’taqsam miegħu.

L-Ispettur Buhagiar xehdet li tant kemm il-vittma ma kintix taf li qed tiġi ffilmjata, li f’wieħed mill-videos jidher jissettja l-camera qabel hija tasal l-uffiċċju. F’dan l-istess filmat hija tinstema’ tgħidlu li riedet tieqaf, li mhix tieħu pjaċir u li ma tridx tagħmel dawn l-affarijiet.

“Tidher li qiegħda tibki u David qed ineżżagħha u jkollu x’jaqsam magħha u hija tibki… dak rajtu u smajtu jiena”, xehdet l-ispettur bil-qorti tikkonferma hi stess mata rat il-filmati li ġew elevati mid-dar tal-akkużat.

“Naf inkun l-iktar raġel selvaġġ fid-dinja” – David Nicholas Xuereb

Hija ppreżentat bosta messaġġi ta’ theddid li beda jibgħatilha. F’wieħed minnhom qalilha li jekk ried seta’ jirvinaha u jaf ikun l-iktar raġel salvaġġ fuq wiċċ id-dinja.

F’sentenza mirquma, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tinnota t-theddid u l-prepotenza li Xuereb kellu fuq il-vittma.

Dwar id-dikjarazzjoni ta’ Xuereb li l-filmati saru bil-kunsens tal-mara, il-Maġistrat qalet li din forsi hi l-ikbar gidba sfaċċata li qatt iltaqgħet magħha. Dan għall-fatt li kien hu stess li pprovda l-provi skjaċċanti mhux biss li jikkontradixxu d-dikjarazzjoni tiegħu, iżda tal-attività moqżieża li seħħew kontra l-vittma.

Il-Qorti ddeskriviet wiċċ il-vittma f’dawn il-filmati ta’ mara passiva, rassenjsata li qed tiġi użata u sfurzata biex tissodisfa l-istint moqżież ta’ Xuereb. “Lanqas l-ikbar atturi tad-dinja tal-films mhuma kapaċi jagħtu wirjiet simili”, qalet il-qorti.

Litanija ta’ messaġġi li juru li l-mara kienet mhedda u rikattata

Fil-qorti ġew preżentati litanija ta’ messaġġi li juru kemm il-mara kienet imdejqa iżda baqgħet tiltaqa’ ma’ Xuereb minħabba t-theddid u r-rikatt tiegħu.

Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-piena, il-qorti qieset il-fedina penali tal-imputat li fi kliemha ma jiddejjaq xejn jagħmel tiegħu dak li mhux kif juru bosta kundanni ta’ serq mogħtija fil-konfront tiegħu. Saħqet li postu mhux fis-soċjetà għax l-ossessjoni tiegħu rrendiet mara skjava għall-esiġenzi sesswali tiegħu.

Qalet li l-mara għadha ssofri minn sfreġju psikoloġiku u emozzjnali kawża tal-għemil tal-imputat tant li meta ltaqgħet mal-uffiċjal tal-probation, din insistiet magħha li ma riedet ebda kumpens mingħand Xuereb iżda biss li ma jersaqx qatt iżjed lejha.

Waqt li kkundannatu 8 snin ħabs, il-Maġistrat qalet li tul iż-żmien li jagħmel il-ħabs, hu mistenni li l-imputat jieħu kull trattament u kura disponibbli biex jagħraf jindirizza l-impulsività tiegħu, l-aktar ma’ persuni li jkun intimi magħhom.

“Hekk biss nisa oħra li fuqhom tista’ taqa’ ħarstu fil-futur jiġu verament protetti minn predatur sesswali”, qalet il-Qorti waqt li ordnat ukoll li jitpoġġa ta’ ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jingħata l-għajnuna psikoloġika.