Edukazzjoni
Premjijiet x’jintrebħu għal dawk it-tfal li bil-kitba jqajmu kuxjenza ambjentali dwar l-ibħra tagħna

Nhar l-Erbgħa, it-12 ta’Awwissu, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab mal-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, nediet kompetizzjoni bil-għan li tkompli tqajjem kuxjenza fuq l-importanza li nibżgħu għall-bajjiet u l-ambjent marittimu tal-gżejjer tagħna.

It-tir ta’ din il-kompetizzjoni, li tagħmel parti mill-kampanja ‘Saving Our Blue’, huwa li l-istudenti tal-primarja u s-sekondarja jużaw il-ħila tal-kitba kreattiva biex iwasslu messaġġ favur il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-ibħra tagħna. Il-parteċipanti ta’ din il-kompetizzjoni huma mitluba jibagħtu kitba ta’ mhux aktar minn 300 kelma dwar din it-tema.

Il-kitba tista’ tieħu diversi forom, bħall-kitba ta’ djarju, poeżija jew storja. Il-kitbiet tal-istudenti se jkunu maqsumin f’erba’ kategoriji kif ġej; it-tielet u r-raba’ sena (skola primarja), il-ħames u s-sitt sena (skola primarja), is-seba’ u t-tmien sena (sekondarja) u d-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il sena (sekondarja).

Kull min jieħu sehem jingħata ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u tifkira miż-żewġ entitatjiet.

L-aħjar tliet kitbiet fl-erba’ kategoriji jingħataw premju filwaqt li jidħlu fiċ-ċans li kitbiethom jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Għaldaqstant, l-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex huma mistednin iħaddmu l-ħiliet kreattivi tagħhom u jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, u hekk ikunu qed jgħinu lill-istess Ministeru jqajjem kuxjenza ambjentali dwar l-ibħra tagħna.

Il-kitbiet għandhom jintbagħtu permezz t’ittra elettronika lil [email protected], jew inkella permezz tal-posta fl-indirizz, L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, ‘Brillantini tal-Kitba’, Triq Joseph Abela Scolaro, Ħamrun HMR 1304.

Din il-kompetizzjoni tagħlaq nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru 2020.

Għal aktar informazzjoni fuq din il-kompetizzjoni, żuru l-paġna Brillantini tal-Kitba / Writing Stars fuq Facebook, jew ċemplu fuq 2598 3301.

Aħbarijiet Oħra

Il-Qorti Kriminali ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-eks chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ta’ martu, tal-Managing Partner ta’ Nexia BT Brian Tonna, ta’ Karl Cini u ta’ għadd…

Wara li l-ġimgħa li għaddiet bdew jiċċirkolaw ritratti fuq il-midja soċjali ta’ żewġ persuni fuq is-saqaf ta’ karozza tal-linja fil-Ħamrun, issa qed jiċċirkola wkoll filmat ta’ żewġ ġuvintur fuq saqaf…

L-ispazju hu biċċa uġigħ ta’ ras ukoll fil-mużewijiet. Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA, fil-Belt hemm kollezzjoni ta’ riżerva fejn jinżammu bosta oġġetti preġjati li iżda mhemmx spazju fejn jiġu esebiti –…

Imnedija t-30 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, bi 18-il kategorija maħsuba biex jippremjaw l-isforzi tal-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom u fl-istess waqt ikompli jgħolli l-livell tal-ġurnaliżmu lokali.  Il-Kummissjoni Malta Journalism Awards fi ħdan…

Aktar