Unjoni Ewropea
President tal-Kummissjoni Ewropea: Kollox inċert iżda jissemma l-Kummissarju Frans Timmermanns

Għalkemm kollox għadu inċert, fi Brussell fl-aħħar sigħat isem il-Kummissarju Frans Timmermanns beda jissemma b’insistenza liema bħala, bħala l-kandidat numru wieħed għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea minflok Jean-Claude Juncker.

Dan hekk kif propju f’dawn il-ħinijiet it-28 Kap ta’ Gvern tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, bdew sessjoni speċjali tal-Kunsill Ewropew – sessjoni msejħa f’qasir żmien u barra minn żmienha bil-għan li jaqblu dwar il-karigi ewlenin fl-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin. Il-mexxejja Ewropej diġà ltaqgħu darbtejn biex jippruvaw jilħqu forma ta’ kompromess iżda t-tentattivi s’issa fallew kollha.

Hemm indikazzjonijiet li fil-laqgħa tal-lum il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk mistenni jressaq proposta li permezz tagħha l-Presidenza tal-Kummissjoni tingħata lis-Soċjalisti u d-Demokratiċi, filwaqt li l-Popolari Ewropej jieħdu l-Presidenza tal-Parlament Ewropew u anki r-Rappreżentanza Għolja għall-Politika Barranija. Il-Liberali mistennija jingħataw il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew filwaqt li l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Centrali possibilment tgħaddi għand Franċiż.
Il-ftehim jidher li għandu l-approvazzjoni tal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Mal-wasla tiegħu fi Brussell, il-President Franċiż Emmanuel Macron fisser ruħu ottimist.

Madanakollu l-arranġament jidher li ma niżilx tajjeb mal-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban li fl-aħħar ħinijiet f’ittra lill-Kap tal-Popolari Ewropej Joseph Daul saħaq li l-ftehim informali bejn Franza u l-Ġermanja ma jirrispettax ir-riżultat elettorali ta’ Mejju li għadda u li fih il-Popolari kisbu l-maġġoranza tal-voti. Il-partit Fidezs ta’ Orban bħalissa jinsab sospiż mill-PPE.

Il-Polonja wkoll qed topponi n-nomina ta’ Timmermans bil-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki ftit tal-ħin ilu sostna li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn President tal-Kummissjoni li jifhem l-Ewropa ċentrali u li jkun jgħaqqad u ma jkunx diviżiv.

Il-Polonja llejla wkoll taf topponi n-nomina ta’ Timmermans illejla. Kemm il-Polonja u l-Ungerija fi snin riċenti kienu kkritikati minn Timmermanns u għaldaqstant sorsi qed ibassru li s-summit tal-lejla mistenni jkun jaħraq.

Bħala parti mill-ftehim li qed jipproponi Donald Tusk, qed jissemma li l-ispitzenakandidat tal-Popolari Ewropej Manfred Weber jista’ jingħata l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew.

Jekk dak li qed jingħad huwa minnu, Timmermans sar l-aktar nomina probabbli għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Olandiż, huwa serva fil-Kummissjoni Juncker bħala Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju Ewropew għar-Regolamentazzjoni u s-Saltna tad-Dritt. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien il-kandidat ewlieni tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Din il-ġimgħa, fil-Parlament Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li Malta kienet qed tibqa’ tappoġġja n-nomina ta’ Timmermans.

Sabiex il-Kunsill jinnomina lil xi ħadd għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea flok Juncker, hu meħtieġ li fil-Kunsill ikun hemm maġġoranza kwalifikata ta’ 21 minn 28 Kap ta’ Gvern li jaqblu. In-nomina tal-President tal-Kummissjoni Ewropea eventwalment tkun trid titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew li mistenni jiltaqa’ għall-ewwel darba din il-ġimgħa.

Skont it-Trattati tal-UE, il-karigi l-ewlenin tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu jirriflettu d-diversità ġeografika u politika fl-Ewropa kif ukoll jridu jkunu rappreżentattivi bejn is-sessi.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-uffiċjali tal-ERA dalgħodu sabu għadd ta’ taħżiż mal-faċċata tal-binja fejn jaħdmu. Fi stqarrija uffiċjali, l-ERA qalet li tikkundanna bla riżervi l-attakk vandalu li sar fuq il-bini tal-istess Awtorità fil-Marsa. Dan…

Avjazzjoni

Għadd ta’ passiġġiera, fosthom iktar minn 60 tifel li huma players tal-football, baqgħu l-art hekk kif it-titjira tagħhom lejn id-Danimarka tħassret. L-istorja jidher li reġgħet irrepetiet ruħha hekk kif għat-tieni…

Annimali

Għawwiema li dalgħodu kienu f’Wied iż-Żurrieq baqgħu mbellħa meta raw sajjieda jniżżlu l-art ħuta kbira. Id-dgħajsa tas-sajd daħlet mal-moll, u erba’ rġiel niżlu minnha jġorru ħuta kbira, li dehret tixbah…

Qorti

Charlotte Zammit, omm Liam Debono, intbagħtet sentejn ħabs wara li nstabet ħatja li serqet diversi pompi tal-petrol. Fil-Qorti llum kompla jinstema’ l-każ tas-sinjura Debono fejn instabet ħatja li serqet flus…

Aktar