Prezz orħos għall-bendy buses jekk “jitqattgħu biċċiet”

Il-kuntratt tal-bejħ tal-81 bendy bus tal-Arriva jistipula li f’każ li l-bendy buses jiġu skrappjati, il-prezz tagħhom jinżel minn €601,200 għal €460,000.

Is-Sibt li għadda tvm.com.mt żvela li għadd ta’ bendy buses kienu qegħdin jitqattgħu biċċiet fil-Marsa flok ġew esportati għas-Sudan.

Fil-Parlament, il-Ministru Mizzi qal li l-proċess li ntuża biex inbiegħu l-bendy buses sar permezz ta’ Espressjoni ta’ Interess.

Huwa qal li kien hemm tliet sottomissjonijiet u l-kumpanija Malta Public Services għażlet l-aħjar offerta b’valur ta’ €601,200 minbarra l-VAT, liema ammont jiġi mnaqqas għall-€460,000 +VAT jekk il-vetturi jiġu skrappjati.

Il-kuntratt tal-bejgħ ta’ dawn il-vetturi ġie iffirmat mill-kumpanija fil-11 ta’ April 2014 ma’ Trihills Heavy Industries, li hija obbligata li tneħħi kull vettura mill-propjetajiet tal-kumpanija Malta Public Transport sas-7 ta’ Mejju 2014.

Il- prerogattiva ta’ fejn immorru dawn il-vetturi hija tal-kumpanija li xtrathom. Madanakollu ma jistgħu qatt jintużaw fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Il-valuri tal-offerti l-oħra huma kummercjalment sensittivi u b’hekk ma jistgħux jiġu ippublikati.

Ara wkoll: http://www.tvm.com.mt/news/il-bendy-buses-flok-ghas-sudan-jitqattghu-bicciet/