Kronaka
Priġunier jinstab mejjet fiċ-ċella tiegħu

Raġel mill-Pakistan ta’ 25 sena nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fi stqarrija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, intqal li r-raġel instab mill-uffiċjali korrettivi waqt ir-rondi għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu.

Fiċ-ċella ma nstab xejn suspettuż u għalhekk l-ewwel indikazzjonijiet juru li miet waqt l-irqad.

B’mod immedjat ġew infurmati l-pulizija tad-distrett b’dan il-każ filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea.

Intant, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Byron Camilleri għandu jifhem li kull ħajja anke ta’ persuna fil-ħabs hija prezzjuża u għalhekk huwa responsabbli minn dik li sejjaħ traġedja li għaddej minnha l-ħabs.

U l-Partit Laburista rribatta li l-mewt m’għandhiex tiġi politiċizzata u f’każ ta’ mewt fil-ħabs l-awtoritajiet relevanti għandhom jitħallew jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom. Qal li mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista ħareġ jippolitiċizza mewt fil-ħabs.