Qorti
Priġuniera ħatja li ħebbet għal gwardjana fl-isptar

Mara li qed tiskonta piena ta’ priġunerija tpoġġiet taħt ordni ta’ probation wara li nstabet ħatja li ħebbet għal gwardjana tal-Ħabs waqt li kienet fl-Isptar Mater Dei.

Lorraine Vella kienet mixlija li fis-17 ta’ Lulju 2018, għall-ħabta tas-2.00 p.m., fit-Taqsima tal-Aċċidenti u l-Emerġenza tal-imsemmi sptar, ikkaġunat feriti ħfief fuq il-gwardjana Maria Schembri.

Hija ġiet akkużat wkoll li hedditha, li rreżistitha, li qalet kliem oxxen fil-pubbliku, li m’obdietx l-ordnijiet u li kisret sentenzi oħra tal-Qorti.

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech irriżulta li dakinhar filgħodu Vella kellha argument ma’ Schembri għax ma tħallitx toħroġ miċ-ċella.

Wara li ġiet infurmata li se tinżamm imsakkra għal tlett ijiem minħabba l-atteġġjament tagħha hija rrappurtat li kienet belgħet ċavetta.

Hija ttieħdet l-isptar u waqt l-ECG tħalliet bil-manetti wara li t-tabiba qalet lill-gwardjani li ma kienx hemm għaliex jitneħħew.

Kien wara li tlesta l-eżami mediku li hija tat is-salt lill-gwardjana u ħebbet għaliha qabel twaqqfet minn gwardjani oħra.

Fil-kawża xehdu wkoll gwardjani tal-Ħabs li kkonfermaw li Vella ħebbet għall-kollega tagħhom u anke professjonisti li jaħdmu fil-Ħabs li xehdu kif l-atteġġjament ta’ Vella minn dak iż-żmien ‘il hawn tjieb.

Il-Maġistrat Grech sabitha ħatja tal-akkużi kollha ħlief li qalet kliem oxxen fil-pubbliku.

Bħala piena hija poġġietha taħt probation għal tliet snin u ordnatilha wkoll biex ma tavviċinax lil Schembri jew iddejjaqha.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernardette Valletta.