Faċilità Korrettiva
Priġunieri jaħdmu artal tar-ripożizzjoni fil-kappella tal-ħabs

Żewġ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ħadmu flimkien biex bnew artal tar-ripożizzjoni ġdid fil-kappella tal-faċilità għal din il-Ġimgħa Mqaddsa.

Kienu dawn il-priġunieri stess li ħarġu b’din l-inizjattiva biex matul il-Ġimgħa Mqaddsa, l-artal iservi ta’ riflessjoni fuq it-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu u fl-istess waqt ikun ta’ ġid għall-priġunieri u anki għall-istaff tal-faċilità.

Priġuniera ta’ 51 sena u priġunier ta’ 46 sena ilhom għaddejjin jaħdmu fuq dan l-artal għal dawn l-aħħar ħames ġimgħat, bil-mara ħadmet fuq id-drapp ta’ dan l-artal, filwaqt li r-raġel ħadem dan l-artal permezz ta’ ħadid, injam u anki rħamar.

“Hawnhekk nippruvaw ma noħonqux l-inzjattivi tar-residenti, anzi ninkoraġġuhom għax ikunu jistgħu joħorġu bil-ħiliet tagħhom. Għandna residenti jieħdu ħsieb l-armar, tiżjin u anki l-indafa,” qal Randolph Spiteri, Kap tal-Amministrazzjoni u l-Operat.

Is-Sur Spiteri qal li f’din il-kappella se jsir restawr minn Dun Charles Vella, binja li tmur lura għas-seklu dsatax. Il-Kappillan tal-ħabs, Fr Hayden Williams, qal li fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin se jsiru attivitajiet reliġjużi, bil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka se tkun imxandra fuq Facebook.

“Għandna l-permessi mill-awtoritajiet biex niċċelebraw l-attivitajiet reliġjużi u tridu tal-Għid, bil-patrijiet Kapuċċini se nanimawh, f’Ħamis ix-Xirka se niċċelebraw il-quddiesa u anki mument ta’ adorazzjoni fis-sepulkru li ħadmu l-priġunieri tagħna.”

Fr Hayden qal li fl-Għid il-Kbir se ssir quddiesa fil-kappella tal-faċilità kkonċelebrata mill-Isqof t’Għawdex Monsinjur Anton Theuma.