Lokali
Priġunieri jbiddlu maħżen bla użu f’librerija pubblika fil-Kalkara

11-il priġunier biddlu maħżen mingħajr użu fil-Kalkara f’librerija pubblika għall-użu tar-residenti tal-lokal.

Dak li sa Marzu li għadda kien maħżen mitluq tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, mix-xahar li għadda nbidel f’librerija pubblika minn 11-il priġunier li kienu jinħarġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jagħmlu ġurnata xogħol hawnhekk.

Larkin Bonnici mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qal li l-priġunieri ħadmu spalla ma’ spalla mal-ħaddiema tal-Kunsill biex għamlu din il-librerija. Spjega li dan il-proġett hu parti mill-ħidma tal-Aġenzija biex aktar ħabsin ikollhom opportunità ta’ xogħol fil-komunità waqt li jiskontaw is-sentenza.

“Il-priġunieri ħadmu kemm l-għamara kif ukoll xogħol ta’ tikħil, xogħol ta’ żebgħa u ta’ tindif u xogħol ta’ tqegħid ta’ bibien. Affarijiet li bis-saħħa tax-xogħol tagħhom illum għandna librerija u l-komunità tal-Kalkara għandha librerija li żgur se tintuża fis-snin li ġejjin.”

Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, qal li l-librerija se tkattar in-namur lejn il-qari speċjalment fost it-tfal tal-lokalità.

“Apparti l-librerija inawgurajna wkoll żona ġdida għall-qari fuq barra ta’ din l-istess librerija. Minn post mitluq u minsi għal post edukattiv u rikreattiv.”

Fl-inawgurazzjoni tal-librerija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li bix-xogħol li sar il-priġunieri qed jagħtu xi ħaġa lura lill-istess komunità li naqsu b’għemilhom.

“Dawn il-persuni kienu jiġu f’dan il-post ta’ kuljum u jaħdmu sabiex jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità iżda fl-istess ħin qegħdin ninvestu fl-edukazzjoni speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ tal-Kalkara.”

Il-Ministru għall-Gvern Lokali, José Herrera qal li bis-sehem tal-Malta Libraries kull sena joħorġu skemi biex il-Kunsilli Lokali jixtru iktar kotba għal-libreriji fil-lokalitajiet.