Priġunieri jżommu l-gwardji tas-sigurtà ostaġġi u jsawtuhom

Jidħol fit-tieni jum irvell f’ħabs fin-naħa t’isfel tal-Brażil bil-priġunieri jżommu lill-gwardji tas-sigurtà u priġunieri oħra ostaġġi, jitolbu kundizzjonijiet aħjar u aċċess għall-‘mobile’.

Il-priġunieri qabdu 12-il gwardja tas-sigurtà li ħaduhom jimxu fuq il-bejt tal-ħabs Guarapuava qabel għattewlhom għajnehom u sawtuhom.

Wieħed mill-gwardji, dendluh rasu l-isfel mal-ġenb tal-bini.

Mal-150 priġunier ukoll qed jinżammu ostaġġi ta’ numru mdaqqas ta’ priġunieri li qed imexxu l-irvell.

Il-ħabs ta’ Guarapuava huwa mimli daqs bajda, b’240 priġunier.

Il-priġunieri qed jiprotestaw kontra l-kundizzjonijiet li jorqdu fihom u l-kwalità tal-ikel li jingħataw minbarra li qed jitolbu li jkollhom aċċess għall-‘mobile’.

Is-sena l-oħra kien sar irvell simili f’Parana u x-xahar li għadda saru mal-ħames irvellijiet oħra simili.

Irvell li seħħ f’Awwissu li għadda fil-ħabs ta’ Cascavel kien dam għaddej 45 siegħa u matulu mietu ħames persuni.

Dan l-irvell kien wassal biex 800 priġunier kienu trasferiti f’ħabsijiet oħra – għaxra minnhom fil-ħabs fejn bħalissa għaddej dan l-irvell.