Lokali
Priġunieri transgender ikkumpensati fuq ksur tad-drittijiet u diskriminazzjoni fil-ħabs

Grupp ta’ priġunieri transgender, ħamsa Maltin u tnejn barranin, se jiġu kkumpensati €5,000 kull wieħed minħabba ksur tad-drittijiet tagħhom u diskriminazzjoni mid-diriġenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Is-seba’ priġunieri, li biddlu s-sess tagħhom minn raġel għal mara, sentejn ilu ressqu rikors il-Qorti li fih argumentaw li meta kienu l-ħabs kienu jitqiesu bħala irġiel flok nisa.

Huma talbu li ma jibqgħux fit-taqsima tal-irġiel, iżda oġġezzjonaw għall-fatt li kieku għażlu li jitrasferixxu ruħhom fit-taqsima tan-nisa ma setgħux ikomplu jistudjaw u jaħdmu għad-detriment li ma kienx se jkollhom flus biżżejjed biex iħallsu għat-terapija tal-ormoni.

Barra minn hekk, argumentaw ukoll li kien hemm xi priġunieri nisa u gwardjani nisa b’aġir ostili fil-konfront tagħhom, filwaqt li minkejja li kienu biddlu isimhom u l-fiżikament saru nisa, fil-ħabs baqgħu jiġu trattati daqs li kieku kienu rġiel.

Dan minbarra li qalu li kienu jiġu nsultati u mżebilħa mill-priġunieri u l-gwardjani, kif ukoll kienu suġġetti għall-fastidju u abbuż sesswali jew vjolenti kontinwu, filwaqt li ma kienux jitħallew jilbsu ħwejjeġ ta’ nisa u kellhom jinħaslu fl-istess post fejn jinħaslu l-irġiel.

Il-priġunieri transgender talbu lill-Qorti biex jitħarsu d-drittijiet tagħhom mid-diriġenti tal-ħabs, jingħataw kumpens tad-diskriminazzjoni li sofrew, u talli nkisru d-drittijiet tagħhom.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Silvio Meli, tat raġun lill-priġunieri, uħud aktar minn oħrajn, talli ngħataw trattament inuman, degradanti u diskriminatorju u ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex tkompli ssir ir-riforma meħtieġa f’dan ir-rigward.

Fid-dawl tar-riformi li bdew jitwettqu fil-ħabs, il-Qorti ddeċidiet li tordna l-ħlas ta’ kumpens lil kull priġunier intimat ta’ €4,000 għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-priġunieri u €1,000 oħra għad-dannu li sar lid-dinjità tal-priġunieri minħabba l-indifferenza għad-diversità.

Il-Gvern qal li mhux ser jappella min din id-deċiżjoni tal-Qorti kostituzzjonali.  Fi stqarrija spjega li qabel din is-sentenza kif irrikonxxiet il-Qorti stess, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ittieħdu passi u saret policy speċifika fuq kif għandhom ikunu trattati l-persuni transgender. Qal li dan qed isir fir-rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali u Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar