Priġunieri żgħażagħ qegħdin jirriformaw ruħhom?

Minn riċerka li għamel ‘Popolin’ jidher lill-maġġoranza taż-żgħażagħ b’sentenza ta’ ħabs ikunu tressqu l-Qorti fuq reati relatati ma serq minħabba d-droga, ġlied u vjolenza u traffikar tad-droga. Tkellimna ma’ George Busuttil mill-għaqda mid-Dlam għad-Dawl.

Busuttil iċċara li meta żgħażagħ ta’ età daqshekk żgħira jittieħdu l-ħabs tal-minorenni jkun ifisser li għamlu reat iktar minn darba; “Ħafna drabi jkun anke t-tielet jew ir-raba’ reat. Rari żagħżugħ jispiċċa b’sentenza ta’ ħabs mal-ewwel akkuża li jkollu”. Huwa tenna li meta jibqgħu jsiru r-reati, speċjalment reati ta’ ċertu portata, hemmhekk jiskatta l-proċess tar-riklużjoni. “Il-problema tkun ilha ġejja. Ħafna drabi jkun hemm nuqqas ta’ kontroll fil-familja jew ikun hemm dak imsejjaħ inter-generational crime families fejn sfortunatament il-familja tidra tgħix f’din is-sistema minn ġenerazzjoni għal oħra”.

Ġie spjegat li huwa importanti li mhux biss nitkellmu fuq iż-żagħżagħ li jinsabu l-ħabs imma fuq żgħażagħ li mixjin lejn dik it-triq. “Hemm bżonn li jsir iktar xogħol fuq dawn iż-żagħżagħ biex nevitaw li jkollna żagħżagħ li jispiċċaw il-ħabs”. Żied jgħid għalkemm qiegħed isir ħafna xogħol biex jitnaqqas iċ-ċans li dawn iż-żagħżagħ jidħlu f’din ix-xibka, baqa’ ħafna xi jsir. Huwa importanti li jsir iktar xogħol mal-familji tal-priġunieri biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ iktar kriminalità u jitkisser dak iċ-ċirku vizzjuż.

Mistoqsi mill-preżentatur jekk żgħażagħ li missew mal-ħabs għandhomx futur imċajpar, Busuttil tenna li sfortunatament ħafna minn dawn iż-żagħżagħ ma jirnexxielhomx joħorġu minn din il-ħajja, biss il-ftit li veru jkunu jixtiequ jibdew ħajja ġdida jirnexxielhom. “Ikun hemm min ix-xokk tal-ħabs, iġibu f’sensih u ma jibqax f’dik il-ħajja li jkun qabad”.

Charles Azzopardi fi skritt miktub minnu tenna li terz biss tal-priġunieri jattendu xi kors biex jgħinhom jirriformaw ruħhom. Fl-opinjoni tiegħu s-sistema f’Malta hija waħda falluta; “Is-sistema kienet u għadha falluta, billi nagħmlu ħafna zokkor fuq il-kelma ma ssirx ħelwa”.