Barranin
Prinċep fil-Ġordan iwaħħal f’ħuh ir-Re talli ġie arrestat

Il-Prinċep Hamzah bin Hussien qed jgħid li jinsab taħt arrest f’daru minħabba l-kritika kontra l-Gvern immexxi minn ħuh, ir-Re Abdullah.

Il-Prinċep Hamzah qed jakkuża lill-Gvern Gordaniż li wassal lill-pajjiż f’xifer il-falliment u ħoloq instabilità politika u ekonomika.

L-armata Ġordaniża ċaħdet li Hamzah qiegħed arrestat f’daru imma kompliet bl-arresti ta’ persuni f’karigi għolja li fuqhom waqa’ suspett li kienu qed jippjanaw biex iwettqu kolp ta’ stat.

Sadanittant pajjiżi ġirien bħall-Eġittu u l-Arabja Sawdija kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għar-Re Abdullah.

L-Istati Uniti, li tqis lill-Ġordan bħala alleat ewlieni fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku, ukoll kkonfermat l-appoġġ tagħha għar-Re Abdullah.