Lokali
Problema teknika tal-GO wasslet għal rapportar doppju tad-donazzjonijiet fi żmien il-Milied

Ħames kampanji ta’ ġbir ta’ fondi li saru bejn Ottubru u Jannar li għadda se jirċievu bejniethom €1.4 miljun anqas minn kemm maħsub. Dan se jiġri effett ta’ problema teknika fis-sistema tal-kumpanija GO.  Il-kumpanija qalet li rriżultalha li donazzjonijiet li saru b’telefonati min-numri rreġistrati mal-GO tniżżlu darbtejn. Żiedet tgħid li l-problema ma kellha ebda effett fuq kemm ħarġu flus il-klijenti, iżda ntlaqgħet b’sorpriża mit-tliet entitajiet u ż-żewġ pariti politiċi affettwati.

Il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, il-Caritas, id-Dar tal-Providenza, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista ġew infurmati mill-kumpanija GO li d-dħul finanzjarju f’maratoni li organizzaw bejn Ottubru u Jannar li għadda hu anqas milli maħsub.  Il-kumpanija GO qalet li dan ġara riżultat ta’ problema teknika li wasslet biex telefonati min-numri rreġistrati magħha ġew mniżżla darbtejn, u għalhekk il-valur tal-għotjiet li saru minn dawn it-telefonati kien id-doppju ta’ kemm suppost.

Il-kumpanija qalet li ħadd mill-klijenti tagħha ma ġie affettwat minn din il-problema, b’dawk li taw donazzjoni ħallsu darba għal kull telefonata li għamlu u l-ammont li suppost.  Madankollu l-ħames organizzaturi ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi ġew infurmati li l-flus li se jingħataw mit-telefonati li saru min-numri reġistrati ma’ GO se jkunu n-nofs ta’ kemm intqal. Il-kumpanija qalet li l-problema wasslet għal diskrepanza ta’ madwar €1.4 miljun bejn l-ammonti rekordjati u ċ-ċifri attwali li se jingħataw ħames maratoni: il-Maratona ta’ Mħabba għall-Caritas f’Novembru, l-Istrina l-għada tal-Milied; il-Festa ta’ Ġenerożità fl-Ewwel tas-Sena; u ż-żewġ maratoni ta’ Diċembru mill-partiti politiċi ewlenin. GO qalet li d-diskrepanza nstabet meta sar eżerċizzju ta’ rikonċiljazzjoni. Żiedet tgħid li t-tekniċi tagħha sabu x’wassal għall-problema u qed jimplimentaw il-miżuri biex ma jerġax jiġri hekk. Uffiċjali qrib l-entitajiet ikkonċernati esprimew ma’ Television Malta sens ta’ sorpriża għal li ġara, għax dan ifisser tnaqqis sostanzjali fid-dħul li mingħalihom kienu se jagħmlu u li fuqu bbażaw ċertu nfieq ta’ kuljum u spejjeż li deħlin għalihom.

Il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund qalet li mit-tagħrif li ngħatat minn GO, iċ-ċifra tal-Istrina qed tiġi riveduta ‘l isfel b’€948,000.  Il-Knisja f’Malta qalet li t-tnaqqis li se jkollhom żewġ entitajiet tagħha: id-Dar tal-Providenza u l-Caritas hu fil-livell ta’ €650,000. Fi stqarijiet separati, iż-żewġ entitajiet tal-Knisja appellaw għal donazzjonijiet mill-pubbliku.

Mistoqsija minn Television Malta, hix se tagħmel tajjeb jew tagħti kumpens lill-entitajiet li sofrew minn dan l-iżball, il-kumpanija GO wieġbet li ilha snin tgħin organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, id-Dar tal-Providenza u l-Caritas u tifhem l-impatt fuqhom u fuq il-komunità’ li tibbenefika mis-servizzi tagħhom. GO qalet li offriet diversi soluzzjonijiet, iżda ma tatx dettalji dwarhom. Qalet biss li ddiskutiet mal-organizzaturi kif tista’ tkompli tgħinhom fis-snin li ġejjin.