Saħħa
Problemi biex jaslu ċertu mediċini f’pajjiżna kawża tal-Brexit

Kawża ta’ Brexit, settur li kien affettwat sew kien dak tal-mediċini. TVM jista’ jikkonferma li għadd ta’ mediċini, li l-maġġoranza tagħhom huma mpurtati mir-Renju Unit, għolew fil-prezz minħabba żieda fl-ispejjez marbuta mal-importazzjoni, filwaqt li wħud minnhom ma baqgħux jinġiebu Malta.

TVM tkellem ma’ wieħed mill-ikbar importatur tal-mediċini Pierre Fava li qal li l-ispejjeż minħabba dokumentazzjoni kemm fir-Renju Unit u anki f’Malta żdiedu u anki tawlu ferm il-proċess biex il-mediċini jiddaħħlu f’Malta.

“Li qed naffaċċjaw huwa nuqqas ta’ ċerti mediċini ewlenin, imma kellna ħafna għajnuna mill-awtorita’ tal-mediċini. Mexxejna għal pajjiżi oħra Ewropej, namely il-Ġermanja, imma trid issib mediċini simili imma tieħu żmien.”

TVM tkellem mac-Chairman tal-Awtorità tal-mediċini Prof Anthony Serracino Inglott li qal li l-awtorità qed issib diversi soluzzjonijiet, fosthom anki billi ċerti mediċini jiġu ċċertifikati f’Malta u allura jonqsu l-ispejjeż.

“Li l-mediċini magħmula f’pajjiżi terzi inkluż l-Ingilterra, toħorġu mill-Ewropa, u anki li ssir batch release minn Malta, u li nġibu mediċini minn swieq Ewropej.”

Il-Professur Serracino Inglott qal li problema oħra hija l-lingwa tal-istruzzjonijiet fuq il-kaxxi jew kontenituri tal-mediċini. Spjega kif qed issir ħidma biex tinġieb mediċina mill-Irlanda għax il-lingwa wżata hija l-Ingliż, jew inkella għax l-istruzzjonijiet ta’ mediċini li hemm f’dan il-pajjiż jinqalbu għall-Ingliż.