Prodotti sostituti għall-plastik huma ogħla mill-plastik?

Biex il-plastik jinqered kompletament, b’mod naturali, jieħu iktar minn erba’ mija u ħamsin sena. F’pajjiżna jintremew iktar minn tlettax il-miljun tunnellata ta’ plastik f’sena waħda biss. Biss, irridu jew ma rridux pajjiżna se jkollu jibda josserva direttivi Ewropej li jekk ma jiġux osservati jimponu numru ta’ sanzjonijiet.

Fil-bidu ta’ din is-sena ġie mħabbar li mill-ewwel ta’ Jannar 2021, l-importazzjoni tal-plastik ta’ darba f’Malta ġie pprojbit. Għal din ir-raġuni ‘Popolin’ stħarreġ l-alternattivi għall-plastik li hawn fis-suq u l-affordabbilità tagħhom. Michelle Piccinino, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, spjegat li bħal ma jiġri f’kull settur ieħor is-suq se jkollu jaġġusta ruħu. Tenniet li diġà jeżistu numru ta’ alternattivi għal ħafna prodotti magħmula minn plastik li jintrema wara użu wieħed, li ħafna minnhom huma affordabbli. Eżempju ta’ dan huma l-cottonbuds magħmula mill-kartun, pożati tal-injam u basktijiet għax-xirja magħmula mid-drapp. Dawn it-tip ta’ prodotti, ħafna mid-drabi jinxtraw darba u għalkemm l-investiment ta’ darba li jsir fihom ikun iktar għoli mill-plastik komuni, għandhom il-benefiċċju li jibqgħu jintużaw għal numru ta’ snin. B’dan il-mod, l-iskart tal-plastik jiġi kontrollat aħjar għaliex filwaqt li l-iskart jonqos drastikament, dak kollu li jintrema jkun bijodegredabbli.

Fuq livell internazzjonali huwa stmat li kull sena jmutu iktar minn mitt elf fekruna u mal-miljun għasfur kawża tal-plastik mormi. Il-frott ta’ miżuri bħal dawn se jidher aħjar fi snin li ġejjin, għalhekk is-sagrifiċċji u l-isforzi ta’ kull wieħed u waħda minnha se jsiru għal ġid ta’ wliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri.