Lokali
Produzzjoni teatrali kontra d-diskriminazzjoni – l-iżjed attriċi anzjana għandha 86 sena


Għadd ta’ anzjani qed jieħdu sehem f’riċerka li qed tistħarreġ kif l-arti tista’ tegħleb sfidi soċjali differenti. Dan permezz tal-produzzjoni teatrali ‘F’Ħakka ta’ Għajn’ li qed tlaqqa’ atturi stabbiliti ma’ anzjani fi studju li jifforma parti minn riċerka akbar li fiha qed jieħdu sehem diversi pajjiżi Ewropej fosthom l-Ingilterra, il-Portugall u l-Italja.

‘F’Ħakka t’Għajn’ hija produzzjoni teatrali li tiftaħ tieqa fuq il-ħiliet kreattivi ta’ anzjani li għandhom iżjed minn ħamsa u sittin sena u jattendu ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva, is-Siggiewi.

Il-produzzjoni ssawwret waqt eżerċizzju ma’ professjonisti fil-qasam tat-teatru b’attivitajiet rikreattivi u l-użu ta’ ice-breakers, eżerċizzji ta’ bini tat-tim, eżerċizzji ta’ improviżazzjoni u attivitajiet ta’ immaġinazzjoni flimkien ma’ diskussjonijiet.

Il-lekċerer u riċerkatriċi fl-istudju teatrali fi ħdan id-dipartiment tal-Arti, Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti fl-Università ta’ Malta, Dr Isabelle Gatt qalet li l-iscript tal-awtur Simon Bartolo tfassal mill-ideat u l-istejjer li tlissnu minn dawn l-anzjani nisa stess.

“Kuljum jiltaqgħu u jaħdmu, barra minn hekk l-inizjattiva li għandhom dawn in-nisa tal-ġenn, filgħaxija jiltaqgħu onlajn u jagħmlu rehearsal, ovjament il-memorja hija sfida għalihom.”

L-iżjed attriċi anzjana hija Carmena u għandha 86 sena.

“Jien imdorrija naqra imma naqra u moħħi hemm imma hawnhekk l-affarijiet trid tgħidhom bl-amment…għax jien naqra rumanz kuljum.”

Anki l-membri l-oħra tal-kast fissru kemm il-produzzjoni għenithom jegħlbu iż-żminiijiet diffiċli tal-Covid, u li kienet strumentali biex jiffurmaw ħbiberiji.

“Għalija daqsxejn impenjattiva sakemm nidhra l-affarijiet kif inhuma…bħala armla nsib ħafna soljev f’dawn l-affarijiet…għamilt ħbieb u ħbieb ta’ vera…ħafna anzjani romol u jkunu waħedhom id-dar allura jekk aħna għamilnilhom reċta u qagħdu jidħku xħin marru d-dar ma qagħdux jgħidu xi dwejjaq, qagħdu jiftakru which is very good u ħassewhom aħjar…esperjenza sabiħa ħafna qatt ma rreċtajt hekk professjonali…nieħdu gost ħafna eħe.”

Mal-atturi anzjani, ingħaqad il-mużiċist Joe Roscoe u l-attur żagħżugħ professjonali Sean Briffa, taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara.

Is-Sinjura Ciappara qalet: “Fil-bidu ma kinitx faċli għax ukoll it-text mhuwiex faċli…committed immens dawn in-nies, jaħdmu waħedhom jiġifieri jien li għandi moħħi mistrieħ li jekk kuljum nkun ħdimt daqshekk magħhom sal-għada…ikunu tawni daqshekk…”

Is-Sur Briffa qal: “Qed inħossni kważi ispirat mill-mod kif qed jaħdmu l-enerġija tagħhom speċjalment.”

Ir-riżultati ta’ dan l-istudju mistennija juru wkoll kif artisti professjonali u persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena jistgħu jaħdmu flimkien, bir-riżultat aħħari huwa ntiż li jrażżan l-isterjotipi ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età.