Lokali
Prof. Carmel Vassallo janalizza s-sitwazzjoni ta’ Spanja, il-Gvern mistenni jissospendi l-awtonomija tal-Katalunja

Fis-sigħat li ġejjin il-Gvern Spanjol mistenni jibda proċeduri biex jissospendi l-awtonomija tal-Katalunja. Dan ifisser li r-reġjun se jibda jitmexxa direttament minn Madrid. tvm.com.mt tkellem mal-Professur Carmel Vassallo, Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar Spanja u l-Amerika Latina fl-Università ta’ Malta.

Il-President tar-reġjun tal-Katalunja Carles Puigdemont injora l-ultimatum tal-Gvern Spanjol biex jaqta’ ħesrem is-sejħa għall-indipendenza tar-reġjun. Minflok bagħat ittra iebsa lill-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy li fiha reġa’ hedded li jagħmel dikjarazzjoni formali ta’ indipendenza.

It-twegiba ta’ Rajoy waslet fi tmiem is-summit tal-mexxejja Ewropej. Rajoy ħabbar is-Sibt se jlaqqa’ l-kabinett tal-Ministri u mistenni jibda proċeduri biex jissospendi l-awtonomija tal-Katalunja.

Il-Professur Carmel Vassallo, kap tad-dipartiment tal-Istudji dwar Spanja fl-Università ta’ Malta jsostni li l-indipendenza tal-Katalunja minn Spanja ma tagħmilx sens mhux biss għax ir-referendum sar kontra dak li tipprovdi l-kostituzzjoni. “Li nħoss li m’għandhiex hija ġejjieni. Fis-sens li l-Katalunja, biex inkunu iżjed eżatti, dawk li huma nazzjonalisti bħal Puidgemont qed jippruvaw jagħtu soluzzjoni tas-seklu 19 għall-problemi tas-seklu 21” qal Prof. Vassallo.

Prof. Vassallo qal li m’hemm l-ebda dubju li Gvern Spanjol aġixxa b’mod li jħoss li mhux tollerabli għax ma kien hemm l-ebda lok li jsawwat in-nies. Saħaq li fatt jibqa’ fatt u li għamlu huwa illegali.

Il-Professur Vassallo jgħid li l-implikazzjonijiet politiċi ta’ Katalunja indipendenti huma ħafna. “Għax jekk tibda Katalunja, imbagħad għandek kollha, Galicia, Baski u Aragon. Dawk li qabel kienu saltniet infushom qabel ma ngħaqdu u saru stat nazzjon. Forsi jkun hemm elementi li jippretendu. Jien ma naħsibx li f’dinja li qegħdin fiha, Ċina dejjem tikber, l-Istati Uniti qed tipprova titbiegħed mir-responsabbiltajiet dinjija, għandek l-Indja, dawn kollha blokki kbar. L-Ewropa l-unika li għandha ċans tkun magħquda u mhux tinfired aktar” qal Prof. Vassallo.

L-implikazzjonijiet m’humiex biss politiċi iżda wkoll ekonomiċi b’effetti possibbli saħansitra fuq l-Unjoni Ewropea u ż-żona ewro.

“‘Il fuq minn elf kumpanija, inklużżi dawk imsejħa flagships companies tal-Kataljunja nfisha diġà ddeċiedew li jiċċaqilqu u jkollhom uffiċċju bbażżat xi mkien ieħor. Is-sigħat li ġejjin mistennija jkunu determinanti għall-futur tas-sejħa għall-Katalunja indipendenti” temm jgħid Prof. Vassallo.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Awditur Ġenerali nnota li minkejja li żdiedu l-ispeċjalisti fid-Dipartiment tal-Outpatient tal-Isptar Mater Dei, il-ħin ta’ stennija għall-appuntamenti fl-outpatient għadu eċċessiv. L-Awditur Ġenerali qal li dawn iċ-ċirkostanzi ilhom ġejjin żmien twil,…

Lokali

Andre Bugeja ta’ 19-il sena u Massimo Fasanelli ta’ 18-il sena, it-tnejn minn Tas-Sliema, baqgħu miżmuma arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li fil-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru…

Lokali

Il-Kunsill Malti għall-Arti ppubblika l-applikazzjonijiet u r-regolamenti għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-presepji. Il-kompetizzjoni se tkun imqassma f’sitt sezzjonijiet, li jinkludu presepji mekkanizzati u dawk statiċi ta’ daqsijiet differenti….

Lokali

Tħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-kampanja internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li se ddum għaddejja sittax-il ġurnata, mill-24 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru. Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, Joe Gerada, qal li…

Aktar