COVID-19
Prof. Simone Borg se tmexxi grupp dwar l-istrateġija nazzjonali għal wara l-Covid-19

Grupp ċentrali ġie mqabbad mill-Gvern biex jikkordina l-ħidma għall-istrateġija nazzjonali għal wara l-COVID-19.

Il-Gvern qal fi stqarrija li l-grupp se jitmexxa mill-Professur Simone Borg bħala Chairperson. Il-Prof. Borg gradwat bħala avukat u kompliet l-istudji tagħha b’Ph.D fil-Konservazzjoni tar-Riżorsi Naturali tal-Ibħra. Ħadmet taħt amministrazzjonijiet differenti fil-kamp tal-affarijiet barranin u tal-ambjent u kkontribwixxiet f’diversi proġetti ta’ riċerka fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda.

Il-Prof. Borg hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ambjentali u tar-Riżorsi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ħadmet ma’ diversi universitajiet barranin. Hija wkoll id-direttur tal-Programm Internazzjonali (Master of Arts) fl-Iggvernar tal-Oċeani u fellow tal-Istitut tas-Sostenibbiltà fi Bruges. Isservi wkoll bħala membru tat-team ta’ esperti tal-Unjoni Ewropea għal Horizon 2020.

Il-membri l-oħta tal-grupp se jkunu s-Sinjura Joyce Dimech, is-Sur Mario Galea, is-Sur Godwin Mifsud, is-Sur James Pearsall, il-Professur Gordon Sammut, is-Sur Clive Tonna u s-Sur Paul Zahra. Dan il-grupp se jkollu l-faċilità li jinkariga esperti tekniċi fl-oqsma li jidhirlu xieraq biex jassistuh f’dan l-inkarigu.

Il-Ministru Owen Bonnici, li ħatar il-grupp, qal li dan huwa magħmul minn nies b’kompetenzi wiesgħa. Qal li huwa kruċjali li tiġi koordinata u implimentata strateġija soda u ambizzjuża għal wara l-pandemija, li tkun xprun biex il-pajjiż ikompli jimxi ’l quddiem f’dinja ġdida u mibdula.

Intqal li l-grupp ċentrali ngħata direzzjoni li jippreżenta din l-istrateġija sa mhux iktar tard minn tmiem it-tieni kwart tas-sena.