Lokali
Ftehim b’titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tal-professjonisti fl-iskejjel

Iffirmat ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-MUT li se jsarraf f’titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ 61 professjonist li jagħtu servizz ta’ appoġġ lill-istudenti fl-iskejjel tal-Gvern.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-ftehim se jfisser mhux biss b’żieda ta’ eluf ta’ ewro fis-sena għal kull professjonist iżda wkoll titjib fil-kundizzjonijiet fosthom b’opportunitajiet biex javvanzaw fil-gradi tagħhom.

Ftehim bejn il-Ministeru tal-edukazzjoni u l-Union tal-għalliema l-MUT, għall-professjonisti li jagħtu servizzi ta’ appoġġ lill-istudenti fl-iskejjel, liema professjonisti jagħtu appoġġ lil dawk l-istudenti li jaqgħu lura kemm fl-iskola jew li jkunu qed jaffaċċjaw sfidi varji fil-ħajja li jaffettwalhom l-andament tagħhom fl-iskola. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dawn il-professjonisti huma l-qalb tal-iskejjel, għaliex wara li jkun l-għalliem li jinnota ċertu aġir fil-klassi, jiġu notifikati dawn il-professjonisti li jservu ta’ spalla għal dawn l-istudenti.  Spjegat li l-ftehim qed jagħti  apprezzament għax-xogħol li jagħmlu lil dawn il-professjonisti li mhux biss se javvanzaw fil-paga iżda wkoll fil-kundizzjonijiet tagħhom.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal li dan il-ftehim ikopri dak li kien ġie iffirmat fl-2014, bid-differenza li issa dawn il-professjonisti qed jingħataw l-apprezzament u anki l-movitazzjoni biex javvanzaw fil-karrieri tagħhom. Qal li dan il-pakkett il-ġdid se jkun qed jattira iktar professjonisti biex jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern.

“Ftehim ġdid li jkopri counsellors, career advisors, resource workers, team ta’ professjonisti, importanti ħafna, għax hemm titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tajjeb għax hekk nattiraw iktar impjegati lejn dan is-servizz”

Is-segretarju permanenti tal-Ministeru Dr Frank Fabri qal li dawn il-professjonisti jagħtu appoġġ mhux biss lill-isudenti iżda wkoll lill-familji tagħhom. Is-servizz ikopri l-għaxar kulleġġi li għandu l-Gvern, bi żjarat lill-istudenti fl-iskejjel, taħriġ lill-edukaturi biex ikunu jafu kif iġibu ruħhom f’sitwazzjonijiet meta student jaffaċċja l-isfidi, u anki interventi fi gruppi.

“L-intenzjoni tal-ftheim li nkomplu ntejbu s-servizz lill-istudenti u t-tfal tagħna, grading structure ġdida, u opportunajiet ta’ progressjoni, milli kien qabel”.

Is-servizzi li jipprovdu l-professjonisti huma essenzjali għax student li jiżviluppa xi tip ta’ sfida jew diżabbilità jingħata l-appoġġ u s-servizzi li għandu bżonn biex jimxi ‘l quddiem. Minbarra servizzi edukattivi speċjalizzati, il-professjonisti jagħtu wkoll appoġġ lil studenti li jiġu nnutati b’imġiba mhux tas-soltu minħabba sfidi varji. Il-professjonisti jiggwidaw ukoll lill-istudenti li jitolbu appoġġ għall-għażla tal-karriera tagħhom. Il-ftehim ikopri minn Jannar tal-2019 sa Diċembru 2023.