Kultura
Professjonisti u dawk fil-mistier tar-restawr issa b’rikonoxximent

Il-professjonisti fl-oqsma tar-restawr u l-konservazzjoni ta’ patrimonju storiku jistgħu japplikaw għal warrant waqt li nies tal-mistier fir-restawr se jkunu jistgħu jingħataw ċertifikat ta’ kompetenza biex ikunu jistgħu jassistu lill-professjonisti fil-qasam tagħhom.

Opri ta’ arti li għandhom aktar minn 50 sena, ser ikunu jistgħu jiġu restawrati biss minn professjonisti fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr li jkollhom warrant.

Fuq l-insistenza ta’ restawraturi kwalifikati, il-Gvern ħabbar li dawn il-professjonisti jistgħu jiksbu rikonoxximent formali permezz ta’ warrant maħruġ mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi. Il-warrant għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-professjoni tal-konservaturi u restawraturi.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera qal li l-warrant jiggarantixxi li l-konservazzjoni u r-restawr tal-patrimonju nazzjonali issir b’integrità taħt il-ħarsien tal-liġi u skont l-istandards meħtieġa.

Il-President tal-organizazzjoni tar-restawraturi u l-konservaturi, James Licari, qal li l-warrant hu riżultat ta’ diskussjonijiet li ilhom għaddejjin tmintax-il sena.

”Il-warrant hu importanti għalina għax ħa tati responsabbiltà legali lejn il-pajjiż u lejn il-patrimonju Malti.. li aħna ħa nkunu repsonsabbli lejn il-patrimonju Malti, mhux biss bħala arti imma bħala xjenza.”

Is-Sur Licari spjega li l-warrant jingħata wara li l-professjonist ikun għamel sentejn jaħdem fil-qasam. Żied li din se tkun l-ewwel professjoni fil-qasam tal-kultura li se tkun regolata.

Dawk kollha kwalifikati mill-università jistgħu jieħdu l-warrant imma jridu japplikaw u jipprovdu dokumenti ta’ esperjenza u ta’ xogħol li sar fis snin li għaddew. Apparti minn hekk se jkun hemm intervista mal-bord tal-warrants.

Apparti l-warrants, se jinhargu ċertifikati ta’ Ħila tal-Patrimonju li jikkwalifikaw għalihom nies tas-sengħa skont certi kriterji.

Is-Sur Licari saħaq li l-membri tal-organizzazjoni, li fiha professjonisti fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr, huma obbligati jsegwu prinċipji ta’ etika u linji gwida li tfasslu mis-sovrintendenza tal-wirt kulturali.