Xjenza
Professur Malti sab mezz innovattiv biex jinqara x’qed jaħseb pazjent li ma jistax jitkellem

Il-Professur Malti Christopher James qed jaħdem fuq riċerka innovattiva, li tista’ tagħmel differenza kbira f’ħajjet il-pazjenti li jbatu mill-epilessija, il-Parkinson’s, paraliżi jew koma.

Il-Professur James spjega ma’ TVM kif sab mezz innovattiv ta’ komunikazzjoni b’magni li jwaħħlu mal-moħħ tal-bniedem, u jiġġeneraw kurrenti li jaqraw x’ikun qed jaħseb pazjent li ma jkunx jista’ jitkellem.

Christopher James ilu li telaq minn Malta iktar minn 20 sena biex jaħdem fir-Renju Unit. Bħala Professur tal-Biomedical Engineering u Direttur fil-BioMedical Institute fl-Università ta’ Warwick fir-Renju Unit, qed jispeċjalizza fuq teknoloġija innovattiva li mistennija tkun rivoluzzjonarja fil-qasam tal-mediċina.

Permezz tal-Biomedical Engineering, il-Professur James qed jiżviluppa mezz kif minn magni li jwaħħal mal-moħħ tal-bniedem, jiġu ġġenerati kurrenti li jaqraw x’ikun qed jaħseb pazjent li ma jkunx jista’ jitkellem. Dan il-mezz innovattiv ta’ komunikazzjoni jista’ jintuża f’sitwazzjonijiet fejn il-persuna tkun ipparalizzata jew kważi f’sitwazzjoni ta’ koma.

“Hemm ċertu mard fejn persuna jkollha diżabbiltà b’tali mod li l-persuna lanqas tkun tista’ titkellem, lanqas tkun tista’ ċċaqlaq muskoli fil-wiċċ. Dil-persuna tidher qisha qegħda f’koma. Imma fil-fatt, minn ġewwa l-moħħ qed jaħdem kompletament, allura nużaw tip ta’ teknoloġija fejn dik il-persuna timmaġna eżempju li trid iċċaqlaq din l-id, u li nagħmlu li mill-kurrenti li joħroġ mill-moħħ, li aħna nagħmlu kejl tagħhom, il-kompjuter jaħseb li dan il-bniedem qed jaħseb illi jmur fil-lemin.”

Il-Professur James spjega ma’ TVM li l-istess studji qed jaraw kif din it-teknoloġija tista’ tgħin ukoll persuni li jbatu minn kundizzjonijiet partikolari kawża tal-epilessija jew il-parkinsons.

“Hemm diversi tip ta’ mard, bħal Parkinsons Disease, fejn tagħmir bħal dan jista’ jintuża biex jgħin lil dak li jkun, fejn fil-Parkinsons għandek dak li jgħidulu central tremor fejn dak li jkun jirtrogħod, din it-tip ta’ tekonoloġija tista’ twaqqaf lil bniedem biex iwaqqaf dan it-tip ta’ tregħid. U dawn l-affarjiet. Eżempju epilessija hija waħda mill-iktar mard komuni tal-moħħ, b’din it-tip ta’ teknoloġija nistgħu nwaqqfu dawk li jgħidulhom seizures, u din it-tip ta’ teknoloġija tista’ twaqqfek milli jkollok seizure u int lanqas biss taf li kien se jkollhom seizure.”

Mistoqsi meta jistenna li din ir-riċerka mit-teorija titpoġġa fil-prattika, il-Professur James wieġeb li jrid isir investiment multi-miljunarju biex jiġu żviluppati għadd ta’ magni, bil-għan li dak kollu li ħadem fuqu għal tant snin jibdew jibbenefikaw minnu l-pazjenti.