Unjoni Ewropea
Proġett b’fondi Ewropej miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ

Din is-sena, l-għaqda tal-istudenti Malta Model United Nations Society jew ‘MaltMUN’ fil-qosor, implimentat proġett fejn laqqgħet żgħażagħ minn disa’ pajjiżi differenti bl-għan li jiżdied l-interess u l-involviment taż-żgħażagħ fl-ambjent politiku. Il-MEUSAC kien assista lil din l-għaqda biex jinkisbu fondi Ewropej għal dan il-proġett finanzjat mill-programm Erasmus+.

MaltMUN ġiet imwaqfa fl-2013 bl-inizjattiva ta’ sitt studenti universitarji, li wara li pparteċipaw fis-simulazzjoni rinomata tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Londra, msejħa ‘London International MUN Conference’, niżlu lura Malta, b’żewġ unuri f’ħoġorhom, u fetħu fergħa tal-‘Model UN Society’ sabiex joffru l-istess opportunità lil studenti oħra.

MaltaMUN hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ impenjata biex tinvesti fl-iżvilupp personali tal-membri tagħha u biex tkattar il-ħiliet ta’ tmexxija, filwaqt li tħaddan l-ispirtu tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Għaldaqstant, MaltMUN tipprovdi l-opportunità lil bosta studenti tal-università biex jipparteċipaw f’dawn il-konferenzi barra minn xtutna, filwaqt li jrawmuhom bil-ħiliet meħtieġa. Iżda barra minn hekk, matul is-snin, MaltMUN organizzat ukoll erbgħa minn dawn il-konferenzi f’Malta. Dan l-avveniment baqa’ jsir kull sena.

Fil-fatt, fl-2019, MaltMUN organizzat b’suċċess il-ħames konferenza tagħha, iżda din id-darba kisbu wkoll għajnuna finanzjarja mill-Ewropa. Taħt il-programm Erasmus+, għaqdiet mhux governattivi jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej biex iwettqu proġett fejn ilaqqgħu ż-żgħażagħ ma’ dawk li jfasslu l-politika. Magħhom jiddiskutu kwistjonijiet importanti bil-għan li ż-żgħażagħ infushom jipprovdu rakkomandazzjonijiet lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

F’dan ir-rigward, il-proġett imsejjaħ ‘Ego vs. Leadership: restoring the balance’ involva ħames attivitajiet f’medda ta’ erba’ xhur, fejn primarjament ġew organizzati sensiela ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għall-parteċipanti. Is-sessjonijiet għenuhom isaħħu l-ħiliet tagħhom meta jitkellmu fil-pubbliku, kif jiktbu diskorsi, imexxu dibattiti, u fl-arti tan-negozjar u l-kompromess.

Il-konferenza innifisha saret fuq tlett ijiem u laqqgħet total ta’ 80 student minn disa’ pajjiżi differenti biex titwettaq is-simulazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda u jkunu ż-żgħażagħ stess li jiddiskutu u jiddibattu problemi u kwistjonijiet bħall-kriżi fil-Venezwela, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, u l-proliferazzjoni nukleari, fost bosta suġġetti oħra.

Fl-aħħar mill-aħħar, MaltMUN laqqgħet direttament liż-żgħażagħ ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex tippreżentalhom ir-rakkomandazzjonijiet u b’hekk tiffinalizza l-proġett li wassal għal daqstant ġid lill-parteċipanti nfushom, liż-żgħażagħ inġenerali u lis-soċjetà Maltija.

L-organizzazzjoni mhux governattiva tiegħek tista’ tibbenefika mill-istess fondi. Għal aktar informazzjoni dwar din l-opportunità partikulari jew il-programm Erasmus+, ikkuntattjana fuq [email protected] jew 2200 3300.

Dan it-tagħrif ġie miġjub lilkom minn:

Aħbarijiet Oħra

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu vettura ġdida biex tagħmilha iktar possibbli biex jiġu salvati nies jekk jinqala’ xi inċident f’bini għoli. Il-vettura nxtrat mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif fl-aħħar snin żdiedu l-binjiet…

Mart il-President ta’ Malta, is-sinjura Miriam Vella qalet li tifhem eżatt il-bżonn ta’ iktar għarfien fuq il-kanċer tas-sider għax tilfet lill-ommha b’dan il-kanċer. Is-sinjura Vella din is-sena hija l-Patruna tal-kampanja…

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalet li llum għamlet il-verifiki kollha u ġie konkluż li n-numru ta’ tesserati eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa 21,499….

Uffiċjali mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA qegħdin jiċċertifikaw li kull skola f’Malta u Għawdex hija konformi mar-regolamenti li tfasslu mill-awtoritajiet tas-saħħa. F’kummenti ma’ Television Malta, is-Segretarju Permanenti…

Aktar