Lokali
Proġett biex ħwienet tal-merċa jnaqqsu mill-konsum tad-dawl u l-ilma

Biex inaqqsu l-konsum tad-dawl u ilma, ħwienet tal-merċa se jkunu qed jiġu awditjati biex jingħataw pariri ta’ kif jistgħu jużaw tagħmir elettroniku tagħhom bl-iktar mod effiċjenti mingħajr dannu ambjentali.

Dan se jsir bis-sostenn tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma flimkien mal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji li ffirmaw ftehim sabiex iwettqu dan il-proġett pilota fuq il-ħwienet tal-merċa. Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li għalissa dan il-proġett se jibda bil-ħwienet tal-merċa u ‘l quddiem jiġi estiż għal negozji oħrajn.

Numru ta’ ħwienet tal-merċa se jingħataw għajnuna biex jużaw b’iktar effiċjenza l-ilma u d-dawl u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija. Dan se jsir bis-saħħa tal-proġett MERĊA li se jsir bi ftehim li sar bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għalll-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano qal li dan il-ftehim se jgħin lill-ħwienet tal-merċa li m’għandhomx riżorsi biżżejjed biex jagħmlu l-kalkoli neċessarji u jaraw kif jistgħu jnaqqsu l-konsum tagħhom tad-dawl u l-ilma. Manuel Sapiano qal ukoll li b’dan il-proġett iktar ‘il quddiem il-Gvern ikun jista’ jdaħħal miżuri indirizzati lejn dan is-settur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Mamo, qalet li fiż-żmien li ġej se jinġabru xi dettalji mingħand il-ħwienet tal-merċa biex jittieħed rendikont tal-konsum tal-enerġija minn dawn il-ħwienet.

“L-appell tagħna hu li min ġej mis-settur tal-groceries, tas-supermarkets, dawn it-tip ta’ ħwienet jagħmel kuntatt magħna jekk huma interessati f’dawn it-tip ta’ proġetti imma aħna se nkunu qegħdin nagħmlu kuntatt magħhom ukoll ħa naraw li jkun hemm ammont li qed jipparteċipaw li dik hi l-ewwel fażi. ‘Il quddiem se jsir ukoll awditjar tagħhom biex naraw kemm jikkonsmaw iktar fid-dettall u mbagħad ħa naraw li jagħmlu l-qalba bl-għajnuna u s-sostenn tal-Gvern lejn sistemi li jikkonsmaw inqas dawl u inqas ilma.”

Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li ftit jirrealizzaw kemm il-ħwienet tal-merċa jikkonsaw enerġija u ilma u għalhekk sostniet li dan il-proġett mistenni jnaqqas id-dipendenza tal-karbonju f’setturi varji tal-ekonomija.

“Aħna bħala Gvern qegħdin hemmhekk biex ninċentivaw lis-setturi differenti, inkluż l-iżgħar businesses f’pajjiżna. U għalhekk qegħdin nibdew propju minn dawk li huma magħrufin bħala ħwienet tal-merċa. Huma l-ħwienet li nsibu f’ħafna lokalitajiet tagħna, huma l-ħwienet li jikkonsmaw ħafna enerġija minħabba l-fridges, il-freezers li jkollhom. Irridu naraw kif permezz ta’ din l-iskema nkunu qegħdin ngħinnuhom”, qal Dr Dalli.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett pilota se jibda bil-ħweinet tal-merċa u mbagħad jiġi estiż għal ħwienet oħra.