Pulizija
Proġett pilota biex il-pulizija jkollhom il-bodycams

Beda l-proġett pilota li se jara lill-pulizija jkunu mgħammra b’bodycams f’każijiet fejn ikun hemm bżonn ta’ evidenza ċara jekk ikun hemm attakki jew inċidenti li jkunu involuti fihom membri tal-korp. Il-Ministru tal-Intern, Michael Farrugia qal li l-ewwel li se jkunu qed jużaw dawn il-bodycams se jkunu l-pulizija tat-taqsima tat-traffiku biex jekk il-proġett ikun suċċess din l-inizjattiva tinfirex mat-taqsimiet l-oħra fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Korp tal-Pulizija kompla jsaħħaħ lill-membri tiegħu b’aktar riżorsi hekk kif beda l-ewwel pass biex ikunu mgħammra bil-bodycams.

L-Ispettur Sergio Pisani mit-Taqsima tat-Traffiku qal lil TVM li dawn il-kameras ilhom mixtiqin mill-membri tal-Korp, u l-ewwel li qed jużaw dawn il-bodycams huma l-Pulizija stazzjonati fit-Taqsima tat-Traffiku. L-Ispettur Pisani saħaq li ebda membru tat-taqsima m’għandu aċċess għall-filmati.

Sergio Pisani qal li “kull membru tas-sezzjoni tat-traffiku li ngħata kamera meta jirrikorri fuq każ se jkun qiegħed jirrekordja l-inċident u dan sabiex tiżdied l-integrita u tiġi protetta l-integrita, kemm tal-pulizija kif ukoll tad-data nnifisha. Il-pulizija m’għandux aċċess għal dik id-data ta’ fuq dik il-kamera imma hu biss amministratur ċentrali li għandu aċċess.”

Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia qal lil TVM li dawn il-kameras se jkunu jistgħu jintużaw wara l-approvazzjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data,

Il-Ministru Farrugia qal li “għal żmien twil kien hemm diskussjonijiet mal-Kummissarju tad-Data Protection fejn ġie diskuss l-użu tal-bodycams biex jintużaw u issa bdejan proġett pilota ta’ 23 bodycam li se jintużaw mill-pulizija tat-traffiku.”

Il-Ministru Farrugia qal ukoll li l-filmati mill-kameras, f’każ ta’ bżonn jistgħu jintużaw bħala prova fl-arrest ta’ persuna jew persuni nvoluti f’xi każ kriminali.

“Dak li jkunu qed jirrekordjaw dak il-ħin ikun jista jinġieb bħala xhieda meta wieħed imexxi kontra persuan fil-Qorti u l-filmat jintuża bħala parti mill-provi tal-prosekuzzjoni” qal il-Ministru Farrugia.

Il-ħsieb hu li jekk il-proġett pilota jirnexxi fit-Taqsima tat-Traffiku, il-bodycams jinfirxu fit-Taqsimiet l-oħra tal-korp tal-pulizija. Il-Ministru Farrugia qal li l-kameras, mhux biss se jiddefendu u jipprovdu evidenza ċara f’każ li jkun hemm attakk fuq pulizija, iżda jipproteġu lill-pubbliku għax ipoġġu lill-pulizija aktar kontabbli f’xogħolha.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Fi tmiem laqgħa li damet għaddejja aktar minn ħames siegħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal lill-ġurnalisti barra id-Dar Ċentrali li l-laqgħa tal-grupp parlamentari kienet waħda kostruttiva u li fiha…

Kronaka

Tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei, il-ħaddiem żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Mali, li l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra waqa’ għoli ta’ madwar 4 sulari fil-bini tal-iskola l-ġdida tal-Qawra. L-inċident seħħ meta nqasmet tavluna…

Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia deher dieħel id-Dar Ċentrali għal-laqgħa kruċjali tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Huwa kien milqugħ minn xi partitarji Nazzjonalisti. Mistoqsi minn TVM, Adrian Delia qal li mhux se…

Aktar