Qasam soċjali
Proġett soċjali biex jgħin lill-Beltin jisfruttaw il-ħiliet tagħhom

Wara li fis-snin li għaddew sar titjib tal-ambjent urban tal-inħawi tan-naħa t’isfel tal-Belt, bir-restawr ta’ binjiet b’valur storiku u binjiet mitluqa ngħataw il-ħajja biex bdew iservu għall-akkommodazzjoni soċjali, issa jmiss it-tisħiħ tal-ħiliet tan-nies.

Il-Karnival, il-futbol u l-festi huma fost l-attivitajiet assoċjati mal-Beltin. Proġett soċjali, parti mir-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt, se jkun qiegħed jisfrutta fost oħrajn dawn it-talenti u l-ħiliet tal-Beltin biex jindirizzaw aspetti oħrajn li l-komunità Beltija tixtieq tirranġa.

Il-familja u t-trobbija tal-ulied, l-impjieg u edukazzjoni, l-immaniġġjar u stabbilità tad-dar, litteriżmu finanzjarju u stabbilità tad-dħul huma t-temi li fuqhom hija ffukkata l-ħidma tal-proġett “Ħiliet il-Komunità” fost il-Beltin.

Il-proġett b’investiment ta’ €1,100,000 iffinanzjat minn fondi Ewropej beda lejn tmiem l-2020 u se jibqa’ għaddej għal tliet snin.

Il-‘project leader’ tal-proġett, Denise Farrugia, qalet li l-għan wara l-proġett hu li jintlaħqu l-komunitajiet fil-Belt Valletta biex dawn jakkwistaw mobilità soċjali sostennibbli għal-livell ta’ għixien aħjar u jkunu aktar parteċipattivi fil-ħajja tal-komunità.

“Inħass il-ħtieġa għaliex kif kulħadd jaf il-Belt għaddejja minn riġenerazzjoni u f’kull riġenerazzjoni jkun hemm id-dimensjoni soċjali li tkun trid tiġi indirizzata allura dan il-proġett qed jieħdu dik ir-responsabilità parti mir-riġenerazzjoni”.

Hija żiedet li permezz tal-ħiliet u t-talenti diġà eżistenti tal-Beltin jiġu sfruttati l-opportunitajiet li ġġib ir-riġenerazzjoni u jiġu ndirizzati l-kwistjonijiet li qegħdin jinkwetaw lill-komunità.

Is-Segretarju Parlmanentari responsabbli mill-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li ntefqu €24 miljun minn fondi Ewropej f’kullana ta’ proġetti għar-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta bil-għan li l-Beltin itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom permezz ta’ żviluppi ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

Huwa qal li l-proġett Ħiliet il-Komunità għandu l-għan li jrawwem u jsaħħaħ il-ħiliet tan-nies u dan imbagħad iwassal għal benesseri soċjali tagħhom u jħeġġeġ lill-komunità Beltija iżżomm l-identità tagħha.

Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali (FSWS), wissa li sfida ewlenija għall-Beltin illum hija l-prezz tal-proprjetà fil-Belt li qal sar wisq għoli għat-tfal Beltin u jekk wieħed ma joqgħodx attent faċli biex jintilef il-karattru uniku li jagħmel il-Belt li hi.