Infrastruttura
Proġett ta’ €130 miljun tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma approvat mill-UE

L-Unjoni Ewropea approvat formalment il-proġett ta’ €130 miljun tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma li permezz tiegħu sa tliet snin oħra, il-pajjiż se jkun qed igawdi fost oħrajn minn titjib fil-kwalità tal-ilma tal-vit.

Il-proġett għandu jwassal għal titjib fl-impjanti kollha tar-reverse osmosis inkluż impjant ġdid f’Ħondoq ir-Rummien li se jagħmel lill-Għawdex indipendenti minn Malta għall-provista tal-ilma, u titjib fit-tisfija tad-drenaġġ biex l-ilma minnu jintuża għall-irrigazzjoni.

Il-proġett ta’ €130 miljun li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed twettaq sabiex ittejjeb il-mod kif jiġi prodott u distribwit l-ilma, ġie approvat formalment mill-Unjoni Ewropea li għalih se tkun qed toħroġ €73 miljun.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Richard Bilocca qal li sal-lum mhux kulħadd f’Malta jirċievi mill-istess taħlita fl-ilma tal-vit li għalkemm tilħaq l-livelli fejn tidħol saħħa, hemm nuqqasijiet fejn tidħol togħma li jridu jiġu indirizzati. Qal li b’dan il-proġett il-pajjiż se jkollu taħlita waħda ta’ kwalità għolja.

“Il-kwalità se tkun ferm aħjar. Dan billi se nkunu qed inżidu s-share li nużaw mill-impjanti tar-reverse osmosis u se nkunu qed nużaw il-potenzjal tal-ilma tal-pjan bl-aħjar mod possibbli. Se niżguraw sostenibbiltà ambjentali, sostenibbiltà finanzjarja u fl-istess ħin tasal kwalità aħjar għand in-nies.”

Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella qal li l-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lir-riżors tal-ilma u dan il-proġett se jassigura l-kwalità, is-sigurtà u l-aċċessibilità għall-ilma tal-Maltin u l-Għawdxin. Żied li l-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, huwa meqjus bħala l-aħjar inizjattiva tax-xorta.

“Qed nindirizzaw il-kwalità tal-ilma, qed nindirizzaw is-sigurtà li kulħadd ikollu availability tal-ilma, qed nindirizzaw il-kwantità tal-ilma u qed nindirizzaw il-fatt li kulħadd għandu d-dritt għall-aċċess tal-ilma.”

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi qal li diġà beda x-xogħol fuq numru ta’ proġetti fosthom il-mina bejn l-impjant tar-reverse osmosis ta’ Pembroke u r-reservoirs f’Ta’ Qali u titjib fl-impjanti kollha tar-reverse osmosis inkluż impjant ġdid f’Ħondoq ir-Rummien. Żied li għaddejin ukoll diversi xogħlijiet oħra fuq l-impjanti li jippurifikaw l-ilma mid-drenaġġ li jintuża għall-biedja.

“Smajna mill-Kummissarju llum u anki minn Jaspers, fejn l-UE qed tirrikonoxxi li aħna ħsibna għall-futur mhux għalissa biss, u li dak li għedna se nwettqu qed inwettquh fil-prattika.”

Indirizzaw lil dawk preżenti, il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri li qalu li l-proġett tal-Korporazzjoni tal-Ilma se jkun qed isaħħaħ l-infrastruttura biex Għawdex ikun indipendenti minn Malta fejn tidħol il-provista tal-ilma.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Tfaqqa kontroversja taħraq dwar il-kwadri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop. Dan wara li fil-festa ta’ San Ġużepp, ix-xahar li għadda l-Kappillan ħabbar li l-Kurja approvat li l-pittura tal-Madonna tad-Duluri li hemm…

Sport

Minn footballer professjonali għal DJ idur mad-dinja b’tours relatati mal-mużika. Dan mhu ħadd ħlief l-ex plejer internazzjonali Taljan, l-attakkant Christian Vieri. Huwa kien Malta għal ftit ħin fejn kien fost…

Kurżitajiet

F’Hollywood tħabbret il-mewt tal-attur u producer Peter Fonda fl-età ta’ 79 sena. Huwa miet wara battalja mal-kanċer. Fonda jibqa’ l-iktar magħruf għall-film li ħadem fih, kiteb u produċa fl-1969 –…

Edukazzjoni

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qal li wara kampanija li nieda żdied sew l-interess għal korsijiet full-time li joffri. L-ITS qal li kellu żieda ta’ iktar minn 50% fl-applikazzjonijiet meta mqabbel mas-sena…

Aktar