Proġetti ambjentali innovattivi proposti miż-żgħażagħ

Antoine Galea huwa r-rebbieħ tal-kompetizzjoni ‘The Innovation Challenge: Go Green’ organizzat minn Aġenzija Żgħażagħ u Edward Debono Institute fl-Università ta’ Malta.

Innov_Challenge_Logo_FinalDin il-kompetizzjoni kienet miftuħa għall-żgħażagħ ta’ bejn is-17 u t-30 sena u fiha riedu jidentifikaw problemi ambjentali li jaffetwaw lil Malta, u joħorġu b’ideat innovattivi biex isolvu din il-problema u jagħmlu wkoll studju dwar il-vijabilità tal-proġett. B’kollox kien għaxar żgħażagħ li daħlu għal din il-kompetizzjoni.

Antoine Galea preżenta l-proġett ‘Eco-Purifier’ dwar il-konservazzjoni tal-ilma fid-dawl li r-riżorsi tal-ilma tajjeb għax-xorb madwar id-dinja qegħdin kull ma jmur jonqsu u ħoloq dan il-proġett li jippurifika ilma kkontaminat. Huwa ser jingħata l-opportunità li jattendi konferenza dwar is-sostenibilità fir-Renju Unit f’Lulju ta’ din is-sena.

Fit-tieni post ġie Carlos Caňas bi proġett li jirriċikla l-loqom tas-sigaretti f’souvenirs għat-turisti filwaqt li fit-tielet post ġie David James Sciberras bi proġett ta’ stallazzjoni ta’ turbini fid-drenaġġ biex jiġġeneraw l-elettriku.

innovation go green (2)Bħala parti mill-proġett, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jattendu wkoll għall-workshops fuq il-ġenerazzjoni tal-ideat u l-iżvilupp ta’ dawn l-ideat, il-fattibiltà tal-proġett u d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

Fil-preżentazzjoni ta’ dawn it-tliet proġetti waqt iċ-ċerimonja finali, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius qal li l-Innovazzjoni għandha tkun l-fulkru tal-ħolqien u ż-żamma tax-xogħol.

Dawn it-tliet proġetti ser ikunu ikunu ppubblikati fi ktejjeb, sponsorjat minn APS Bank.