Programm ambizzjuż mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għadha kif nediet programm imfassal b’attivitajiet varji sabiex waqt li jiġu ndirizzati l-bżonnijiet tal-Belt Valletta jinħoloq wkoll spazju kreattivi għal diversi artisti li għandna f’pajjiżna.

Annaliza Borg, uffiċjal eżekuttiv fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta spjegat li l-programm imfassal mill-istess Aġenzija jindirizza l-ewwel kwart tas-sena. Inħareġ dan it-tip ta’ programm biex kontinwament jiġi evalwat l-andament tal-pandemija Covid19 u l-istruzzjonijiet indikati mill-awtoritajiet tas-saħħa, qabel ma jiġu implimentati xi proġetti jew isiru xi avvenimenti partikolari. Żiedet tgħid li għalkemm hu importanti li jiġu osservati l-linji gwida maħruġa mid-dipartiment tas-saħħa, l-artisti u dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam iridu jkomplu għaddejjin. Spjegat li l-Aġenzija ħolqot serje ta’ attivitajiet medji u anke intimi li għalihom setgħu jattendu biss udjenzi iżgħar, dan biex id-distanza soċjali tibqa rispettata. Il-konkorrenza tal-pubbliku kienet tajba ħafna.

“L-Arti u l-kultura saret bżonn iktar minn qatt qabel, għaliex tħalli impatt pożittiv fuq il-benessere tal-bniedem” temmet tgħid Borg.