Saħħa
Programm għas-saħħa mentali tal-‘frontliners’ li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjoni għall-Infermiera u l-Qwiebel l-awtoritajiet tas-saħħa ħasbu biex jintroduċu programm għas-saħħa mentali tal-frontliners li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa minħabba l-istress li għaddew minnu tul il-pandemija.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li flimkien mal-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermiera (MUMN) se jiġi organizzat programm għas-saħħa mentali tagħhom bil-għan li jkomplu joffru l-aqwa kura lill-pazjenti Maltin.

TVM tkellem ma’ żewġ infermiera żgħażagħ, Joanne Vella li ilha 7 snin infermiera u Andrea Cini li ilu infermier 4 snin, li jaħdmu fit-taqsima tal-mediċina.

“Din is-sena kienet diffiċli ħafna għax ltqajna ma’ ħafna sitwazzjonijiet, ħdimna ħafna bħala tim biex naslu li nagħtu servizz mill-aħjar”, sostniet Vella.

“Din is-sena kienet differenti imma ħassejt li ngħaqadna biex negħlbu l pandemija u għall-grazzja t’Alla se negħlbuha”, saħaq Cini.

Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li hija ta’ sfida ta’ kull pajjiż madwar id-dinja li jattira ż-żgħażagħ lejn din il-professjoni u li bl-inizjattiva tal-programmi ta’ appoġġ tas-saħħa mentali għall-infermiera l-union qiegħda tmur lil hinn milli tħares biss lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema iżda wkoll taħdem biex ikollhom ħajja sana.

Il-Ministru Fearne ħeġġeġ aktar żgħażagħ jagħażlu din il-karriera u qal li l-Gvern jinsab impenjat biex ikompli jsaħħaħ il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna b’aktar infermiera u qwiebel.

Huwa qal li s-sena li għaddiet daħlu 216 infermier u 11-il qabla ġodda fis-servizz tas-saħħa pubblika waqt li sa issa din is-sena daħlu 139 infermier u 8 iqwiebel ġodda.

Il-Ministru tas-Saħħa semma kif sal-aħħar tas-sena mistennija jingħaqdu iktar minn 150 infermier ieħor fis-settur.

Sadanittant huwa ħabbar li mit-Tnejn li ġej kull persuna residenti f’Malta minn 16-il sena ‘l fuq tista’ tirreġistra għat-tilqima tal-Covid-19.

Dwar il-possibbiltà tat-tielet doża, li s’issa qal li għad m’hemmx deċiżjoni dwarha, il-Ministru għas-Saħħa qal li bħalissa għaddejjin negozjati biex f’każ ta’ bżonn għas-sena li ġejja u ta’ wara jkollna nofs miljun doża ordnata għall-2022 u nofs miljun oħra għall-2023.