Sport
Programm ta’ kompetizzjoni tal-isparar fir-range l-ġdida f’Ta’ Kandja

Wara kważi ħames xhur magħluqa, ix-shooting range f’Ta’ Kandja ser ikollha programm mimli ta’ kompetizzjoni tal-isparar kemm b’tiraturi Maltin u barranin. Dan wara li ġiet żblukkata kwistjoni bejn il-Gvern u l-Federazzjoni Maltija tal-isparar dwar l-użu u t-tmexxija tal-faċilità.

Wara diskussjonijiet, il-Gvern u l-Federazzjoni Maltija tal-Isparar, laħqu ftehim dwar l-użu tax-shooting range il-ġdida f’Ta’ Kandja. Dan wasal għal zblokk f’sitwazzjoni li waslet biex għal ħames xhur, is-shooting range ftit li xejn intużat.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima stqarr ma’ TVM li l-Gvern jinsab soddisfatt bin-numru kbir ta’ kompetizzjonijiet u attivitajiet li l-Federazzjoni se tibda torganizza f’Ta’ Kandja minn Jannar li ġej.

”Intlaħaq dan il-ftehim dwar dan il-kalendarju u l-mod kif se nkunu qed nikkollaboraw mal-federazzjoni sabiex nospitaw dawn it-tip ta’ avvenimenti li hemm numru ta’ regolamenti marbuta magħhom, fosthom il-permessi neċessarji, il-kwalifiċi ta’ min ikun qed imexxi dawn l-attivitajiet” qal is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Fl-aħħar xhur membri tal-federazzjoni kienu esprimew diżappunt għax ma setgħux jipprattikkaw id-delizzju tagħhom fil-faċilità f’Ta’ Kandja. Kienu diżappuntati wkoll tim ta’ tiraturi tal-Federazzjoni Ġermaniża tal-Isparar, li ġew Malta għax kienu impressjonati bis-shooting range l-ġdida meta żżanżnet f’Ġunju li għadda iżda x-xahar li għadda sabu li ma setgħux jitħarrġu fiha.

Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Isparar Pierre Montebello kkonferma li t-tiraturi Ġermaniżi kellhom jagħmlu t-taħriġ fix-shooting range tal-Bidnija. Minn kliem is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, l-intoppi li kien hemm għall-użu tar-range il-ġdida kienu jolqtu wkoll l-aspetti tas-sigurtà.

Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li qed nitkellmu fuq faċilità li tinsab f’kumpless tal-pulizija u allura għandek anki aspetti ta’ sigurtà li jridu jiġu mħarsa.

Dr Grima spjega li bil-ftehim mal-federazzjoni, ir-range f’Ta’ Kandja ser tkun amministrata mill-Gvern bl-istess mod bħal pixxina f’tal-Qroqq fejn numru ta’ klabbs, assoċjazzjonijiet u federazzjoni jagħmlu użu mill-faċilitajiet.