Annimali
Projbizzjoni taż-żwiemel tal-karozzini mit-toroq mhix soluzzjoni għax jittieħdu għall-qatla – Moira Delia

Il-każ taż-żiemel li waqa’ u miet ilbieraħ fil-Floriana qajjem furur u bosta kienu dawk li kitbu u esprimew fehemthom dwar dak li ġara b’mod speċjali fis-siti soċjali.

Fosthom l-attivista favur id-drittijiet tal-annimali Moira Delia li f’kummenti ma’ TVM qalet li fis-sajf iż-żwiemel tal-karozzini m’għadhomx jitħallew joperaw fit-toroq.

Moira Delia qalet li għandu jkun hemm limitu wkoll fuq l-età taż-żwiemel li jitħallew jintużaw għall-karozzini fit-toroq għax tħoss li meta żwiemel ikunu xjaħu m’għandhomx jibqgħu joperaw il-karozzini.

Hija ma tarax li l-projbizzjoni taż-żwiemel tal-karozzini hija s-soluzzjoni, sakemm il-Gvern ikun lest li jixtri l-permessi tal-kuċċiera u ż-żwiemel biex jittrasferihom fis-santwarji jew petting farms.

Moira Delia qalet li jekk tiġi mposta projbizzjoni jkun ifisser li ż-żwiemel jinqatlu fil-garaxxijiet għal dejjem jew inkella jintbagħtu għall-qatla.

Anke l-Partit Nazzjonalista rreaġixxa dwar dan il-każ, bil-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet tal-Annimali Mario Galea jgħid li għandhom jittieħdu miżuri li jħarsu s-saħħa taż-żwiemel fix-xhur tas-sajf minħabba s-sħana.

Fi stqarrija, id-deputat Nazzjonalista qal li d-Dipartiment tal-Animal Welfare għandu jiltaqa’ minnufih mas-sidien taż-żwiemel tal-karozzini jew mar-rappreżentanti tagħhom biex jara x’miżuri jistgħu jittieħdu biex filwaqt li dawn is-sidien jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom, dan ma jsirx b’detriment fuq saħħet iż-żwiemel minkejja li mhux lesti li jaħqruhom.

Is-Sur Galea qal fl-istqarrija li fix-xhur tas-sajf, iż-żwiemel għandhom jiġu protetti f’ċertu ħinijiet fejn is-sħana tkun fl-aqwa tagħha u dan billi jkollhom aċċess aktar mifrux madwar pajjiżna għal tined fejn jiskennu mix-xemx u fejn ikollhom aċċess f’kull ħin għall-ilma frisk. Għandu jiġi aċċertat ukoll it-tgħabija massima li kull żiemel jista’ jġorr tkun infurzata mill-awtoritajiet. Għandhom jiġu kkunsidrati rotot ġodda u ħin minimu stabbilit meta ż-żwiemel jistrieħu speċjalment f’ħinijiet meta x-xemx u s-sħana jkunu fl-aqwa tagħhom.

Qal li l-miżuri li jiġu miftehma li jittieħdu mad-Dipartiment tal-Animal Welfare għandhom jiġu infurzati u min jinqabad jabbuża għandu jħallas ta’ għemilu.

Fuq is-siti soċjali, ilbieraħ is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li ordna lill-veterinarju u lill-Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali biex imorru fuq il-post minnufih ħalli jassistu u jiddeterminaw il-fatti ta’ x’wassal għal dan l-inċident.

Il-Perit Camilleri qal li se jkun qed isegwi mill-qrib biex b’mod ħolistiku jitnaqqsu bl-aktar mod possibbli dawn l-inċidenti. Huwa qal li hemm bżonn ta’ reviżjoni fil-liġijiet ta’ kif joperaw il-karozzini.

Ara wkoll:

Żiemel jaqa’ u jmut fil-Furjana – is-Seg Parl Camilleri jipproponi reviżjoni fl-operat tal-karozzini

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Parruċċani ta’ Ħal Luqa minn tmiem din il-ġimgħa qed igawdu dehra ġdida fil-knisja parrokkjali tagħhom. Dan għaliex wara proġett li kien ilu għaddej disa’ snin, ġie inawgurati xogħlijiet ta’ pittura,…

Lokali

B’esperjenza vasta fil-qasam tal-ġurnaliżmu, l-Avukat Joe Micallef Stafrace, illum irtirat, iżda xorta isegwi dak li għaddej u jistqarr li ċerti principji sagrosanti tal-ġurnalizmu professjonali qed jigu imxelfa minn uħud. L-Avukat…

Lokali

Victor Scerri, terraq it-toroq tal-Belt fejn kompla jfittex u jiltaqa’ ma’ karattri – minn imħallfin sa karattri komuni tat-triq, li għamlu isem għalihom u għall-kapitali. Ghalkemm mhux belti mit-twelid, sar…

Lokali

Xogħol li jitlob li min jagħmlu jbakkar minn kmieni filgħodu, iżda li fih ukoll is-sodisfazzjon tiegħu. Melanie Saliba ilha tarma l-monti ‘l fuq minn għoxrin sena. Ma’ TVM, Melanie wriet…

Aktar