Saħħa
Propost li l-kura għas-saħħa mentali għandha tingħata fil-komunitajiet u mhux fl-isptarijiet

Il-persuna hi fiċ-ċentru tal-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa mentali, li tipproponi li kemm jista’ jkun, il-kura tingħata fil-komunità u mhux fl-isptarijiet. Dan bis-sehem ta’ professjonisti bħal psikjatri, psikoloġi, social workers, occupational therapists u anke tobba tal-familja.

Din hi waħda minn 75 proposta fl-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa mentali mifruxa fuq perjodu ta’ għaxar snin sal-2030. F’dan l-istadju l-istrateġija tnediet għall-konsultazzjoni pubblika.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li hu stmat li minn tal-anqas persuna minn kull tnejn, f’xi mument f’ħajjitha se tesperjenza problema ta’ saħħa mentali, li twassal għal dwejjaq, ansjetà, telf ta’ impjieg u f’każi estremi anke għall-mewt.

F’dan il-kuntest, il-Ministru qal li l-istrateġija dwar is-saħħa mentali tmur lil hinn minn xogħol ta’ tisbiħ tas-swali fl-isptar Monte Carmeli imma trid tindirizza l-kura tas-saħħa mentali b’mod ħolistiku. Qal li l-istrateġija tpoġġi lill-pazjent fil-qalba tal-kura u tagħti każ il-ħtiġijiet ta’ anzjani, persuni f’riskju ta’ faqar, persuni li jabbużaw minn sustanzi u barranin li jgħixu f’Malta, li għal raġunijiet differenti lkoll huma vulnerabbli għal problemi ta’ saħħa mentali.

Dr Fearne qal li tliet kwarti tal-problemi ta’ saħħa mentali jkollhom sinjali minn età żgħira. Għalhekk l-istrateġija qed tipproponi li s-servizzi ta’ prevenzjoni u l-kura jingħataw fil-komunità: fl-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol u bis-sehem tat-tobba tal-familja u għaqdiet mhux governattivi. Qed ikun propost li l-kura ta’ saħħa mentali tibda tingħata mill-istess postijiet fejn tingħata kura għal problemi ta’ saħħa oħrajn. B’dan il-ħsieb, il-Ministru qal li l-isptar għall-kura ta’ saħħa mentali biswit l-isptar Mater Dei, li għad irid jinbena, se jkollu l-istess dħul tal-isptar. Żied li x-xogħol fuq dan l-isptar mistenni jibda sentejn oħra, bil-pjan li jkun lest fl-2025.

Il-Ministru Fearne qal li l-isptar Monte Carmeli se jkompli jintuża għal mijiet ta’ pazjenti, li ilhom snin hemmhekk u li m’hemmx alternattivi oħrajn biex joħorġu minn hemm. Spjega li Monte Carmeli fost oħrajn se jkompli jintuża minn anzjani bi problemi ta’ saħħa mentali li jeħtieġu kura fit-tul u ikollu faċilità ta’ rijabilitazzjoni f’ambjent bla periklu għal persuni li jabbużaw minn sustanzi.

Ic-chairman tas-servizzi tas-saħħa mentali, Anton Grech qal li għalkemm l-istrateġija tidħol fis-seħħ fl-2020, il-ħidma tibqa’ għaddejja fost oħrajn bi preżenza aktar b’saħħitha tad-dipartiment tal-psikjatrija fl-emerġenza, minn Jannar se jibda jkun preżenti 24 siegħa kuljum. Dr Grech saħaq li l-kura fil-qasam tas-saħħa mentali mhijiex permezz tal-pilloli biss.

Iċ-Chairman tas-servizzi tas-saħħa mentali, Anton Grech qal ”hija kura integrata hemm psychologist, occupational therapist, social workers, therapists, nurses u din l-istateġija ħa tindirizza li ħa jkun hawn team li jgħinu lil dak li jkunu aċċessibli u kemm jista’ jkun qrib il-pazjent u dan billi jkollna team fil-komunitajiet.”

Il-konsultazzjoni dwar l-istrateġija tas-saħħa mentali tintemm fl-aħħar ta’ Frar.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar