Lokali
Propost li l-Ombudsman ikollu proċedura li tevita xogħol doppju li diġà jsir mis-servizz pubbliku

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li tmenin fil-mija tal-każi pendenti quddiem l-Ombudsman qed jistennew konferma mill-istess istituzzjoni jekk l-azzjoni li ttieħdet mis-servizz pubbliku hix adekwata jew le. Is-Sur Cutajar ippropona li l-Ombudsman ikollu proċedura ta’ operat stabbilità biex tevita xogħol doppju li diġà qiegħed isir mis-servizz pubbliku.

Is-sena li għaddiet l-Uffiċċju tal-Ombudsman investiga 381 ilment u minnhom ġew konklużi 253.

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar x’azzjoni ttieħdet fuq ir-rapport annwali tal-Ombudsman għall-2019, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, qal li 98 fil-mija minn dawn l-ilmenti ġew indirizzati jew kunsidrati mhux ġustifikati.

”Qatriet li jmorru għand l-Ombudsman, li diġà turi kif l-amministrazzjoni pubblika qed taħdem tajjeb. Min-naħa l-oħra qed nuru wkoll kif 98% tal-każi li jmorru għand l-Ombdusman jiġu solvuti b’xi mod jew ieħor, jew l-Ombudsman jara li huma frivoli…jew li għamel l-investigazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijeit u jiġu mwettqa… jew mal-ewwel kuntatt bejn l-Ombudsman u l-amministrazzjoni pubblika, dawn jiġu riżolti.”

Mill-148 każ li għadhom pendenti, is-servizz pubbliku għadu qed jistenna konferma mill-Ombudsman jekk l-azzjoni li ttieħdet dwar 119 hix adekwata.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni rrimarka li qed ikun hemm għadd sostanzjali ta’ każi li jmorru għand l-Ombudsman mingħajr ma qabel iressqu ilment lid-dipartiment konċernat. Waqt li saħaq fuq il-ħtieġa tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, is-Sur Cutajar wera l-fehma li wasal iż-żmien li bħal uffiċċji tal-Ombudsman fl-Ewropa, l-Ombudsman f’Malta jkollu proċeduri standard ta’ operat biex ma jaċċettax każi qabel mal-persuna tkun segwiet proċess u użat rimedji oħra disponibbli.

“L-ombudsman ikun dejjem the last resort u l-amministrazzjoni pubblika tieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam maċ-ċittadin fil-qadi tas-servizzi li nkunu qed nagħtu.”

L-azzjonijiet tas-servizz pubbliku dwar ħidmet l-Ombudsman fl-2019 se jiġi preżentat lill-President u lill-Ispeaker.