Lokali
Propost li t-tobba kollha jitħallew jagħtu mediċini b’sustanza tal-kannabis

L-użu ta’ mediċinali magħmula mill-pjanta tal-kannabis ser ikun iktar aċċessibbli għall-pazjenti li jeħtieġu din il-mediċina, li madankollu xorta trid tinkiseb b’riċetta tat-tabib u b’kontrolli mis-supretendent tas-saħħa pubblika. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, waqt li ressaq l-ewwel qari tal-emendi fil-liġi, spjega fost oħrajn li mhux ser ikun ittollerat li din il-mediċina tinxtara minn fuq l-internet.

Għalkemm ser isiru emendi fil-liġi biex it-tobba jkunu jistgħu jagħtu mediċina maħduma mill-kannabis għal ċerti kundizzjonijiet kroniċi, mhux ser ikun permess li dawn il-mediċini jkunu forma ta’ tabakk, u lanqas ser ikun permess li jitkabbru pjanti tal-kannabis.

Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet qabel ressaq għall-ewwel qari l-emendi fil-liġi dwar l-użu tal-mediċinali magħmula mill-kannabis. Dr Fearne qal li dawn l-emendi se jindirizzaw ilmenti li rċivew mingħand mijiet ta’ pazjenti u tobba minħabba li l-liġi li daħlet sentejn ilu kienet restrittiva wisq għaliex ir-riċetta għal dawn il-mediċini kienet qed tingħata biss mill-ispeċjalista u mhux mit-tobba tal-familja.

“Qed ngħidu ċar u tond li l-ebda prodott ma jista’ jkun forma ta’ tipjip. Hemm tablets, spray u żjut li wieħed jista’ juża f’forma ta’ gmp, dejjem taħt preskrizzjoni tat-tabib,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Ħa nkunu qed ngħidu ukoll li prodotti se jkunu jistgħu jiġu impurtati fil-pajjiż u jintużaw għall-użu mediċinali huma dawk li huma mediċini u li huma magħmula minn gmp.”

Dr Fearne qal li din id-diskussjoni hija waħda separata minn dik dwar l-użu rikreazzjonali tal-kannabis. Qal li mhux se jkun permess li wieħed jixtri prodotti li fihom sustanza tal-kannabis minn fuq l-internet, waqt li żied jgħid li r-riċetta tat-tabib tista’ ssir billi tingħata l-kartuna l-ħadra għal iktar kontroll.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li dawn il-prodotti se jkunu ta’ għajnuna għal diversi pazjenti. “Dawn il-mediċini jintużaw l-iktar meta jkollok kundizzjonijiet ta’ mard kroniku biex tnaqqas l-uġiegħ ikkanġunati minnhom,” spjegat Dr Gauci. “Tista’ tintuża f’sitwazzonijiet ta’ tista’ mard ta’ spastiċità ħafna bħal multiple sclerosis. Tista’ tintuża biex tnaqqas sintomi ta’ dardir u remettar għal dawk li jieħdu kimoterapija.”

Mistoqsi jekk hux se jkunu jistgħu jitkabbru pjanti tal-kannabis f’Malta għall-użu mediċinali, Dr Fearne qal li dan mhux se jkun possibbli. Huwa qal ukoll li l-Ministru tal-Ekonomija se jresseq emendi għal tibdil fil-liġi biex prodotti mediċinali magħmulin minn sustanza tal-kannabis ikunu jistgħu jiġu manifatturati f’Malta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-qorti ordnat kumpens ta’ €463,465 għal tfajla li spiċċat fuq siġġu tar-roti wara inċident fil-Qawra. It-tfajla; Vladyslava Kravchenko, disa’ snin ilu kienet f’party ħdejn Fra Ben, meta l-apparat tad-dawl waqa’…

Lokali

Mara ta’ 68 sena sofriet ġrieħi gravi wara li ttajret f’San Ġwann. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15 fi Triq Birkirkara. Il-Pulizija marru fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mara ta’…

Lokali

Bil-festini tal-Milied jinsabu fl-aqwa tagħhom, għadd ta’ entitajiet ngħaqdu flimkien f’kampanja preventiva biex min se jixrob ma jsuqx għax fi kliemhom il-ħajja mhijiex logħba. Il-ħajja mhix logħba . . ….

Lokali

L-MUT u l-MCAST se jkomplu jitkellmu sabiex tinstab soluzzjoni Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, issospendiet id-direttiva biex nhar il-Ġimgħa jsir strajk ta’ ġurnata mill-għalliema fl-MCAST minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-ftehim kollettiv…

Aktar