Sigurtà
Propost test bħall-breathalyser għad-drogi fis-sewqan

Tabib li jaħdem ma’ persuni li jabbużaw mid-droga jħoss li l-użu tal-kokaina f’Malta reġa’ qed jiżdied . . . speċjalment f’okkażjonijiet familjari bħal tiġijiet u festini ta’ magħmudijiet.

F’kummenti lil TVM, Dr George Grech spjega li ltaqa’ ma’ każijiet ta’ persuni jsuqu taħt l-influwenza tad-droga.

Dr Grech appella biex bħalma jiġri bit-test tan-nifs għall-alkoħol, jibdew isiru testijiet fuq is-sewwieqa għad-drogi biex fost oħrajn jiġu skansati inċidenti tat-traffiku.

It-Tabib George Grech, li jaħdem fiċ-Ċentru tad-Detox ma’ persuni li jabbużaw mid-droga, qal li bħalissa l-użu tal-kokaina f’Malta qed jiżdied . . . bil-periklu jkompli jikber meta dawn il-persuni jsuqu taħt l-influwenza ta’ xi sustanza.

It-Tabib George Grech qal ”nafu li hemm relazzjoni kbira bejn il-kokaina u l-alkoħol li jieħdu t-tnejn flimkien u hemmhekk is-sitwazzjoni hi inkwetanti ħafna.”

”Aħna inkwetati meta pereżempju jkun hemm xi ħadd li qiegħed taħt l-influwenza tad-droga u qed isuq xarabank jew qed isuq vann tal-iskejjel jiġifieri dawn huma realtajiet li ġieli ltqajna magħhom.”

It-Tabib Grech wera tħassib ukoll li qed jiżdiedu l-persuni li jpejpu l-ħaxixa u jsuqu f’periklu għalihom u għal ħaddieħor.

”Min isuq, jixrob u jieħu d-droga jiġifieri hemmhekk qed tagħmel mhux plus imma times. Timmultiplika l-effett.”

Dr Grech iħoss li wasal iż-żmien biex is-sewwieqa jibdew jiġu ttestjati għad-drogi.

”Importanti li jkun hemm policy ċara x’se naċċettaw u x’mhux se naċċettaw. Żgur li ma nistgħux nibqgħu fl-istatus quo li qegħdin, jiġifieri xi ħaġa trid issir” kompla jgħid it-Tabib Grech.

Tal-istess fehma, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-Toroq, Pierre Vella, li qal li testijiet għad-droga fuq is-sewwieqa jsiru bi strument imsejjaħ Drug Wipe.

Iċ-Chairman Eżekuttiv, Pierre Vella qal ”xi ħaġa sempliċi ħafna. Hi xi ħaġa kemm tmiss fuq l-ilsien u jimmarkalek x’tip ta’ drugs ġew ikkonsmati.”

”Hu xi ħaġa instant. Jimmarkalek mal-ewwel.”

Dan it-test hu simili għat-test tan-nifs li jkejjel il-livell ta’ alkohol fid-demm.

”Tajjeb li ngħidu li żewġ pajjiżi fl-Ewropa tintuża mill-pulizija stess jiġifieri l-istess ħaġa bħalma jagħmlu l-breathalyser jagħmlu check għad-drogi. Jiġifieri naħseb li wasal iż-żmien li forsi dan il-kunċett nindirizzawh ukoll” kompla jgħid is-Sur Vella.

Is-Sur Vella sostna li m’hemm xejn aktar għażiż mill-ħajja, waqt li saħaq li d-droga hija dejjem ħażin u ssir agħar meta persuna ssuq bl-effetti tad-droga.

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà kienet varat studju dwar dan is-suġġett.

Ara wkoll:

Varat studju dwar sewqan taħt l-influwenza tad-droga

Aħbarijiet Oħra
Avjazzjoni

Għadd ta’ passiġġiera, fosthom iktar minn 60 tifel li huma players tal-football, baqgħu l-art hekk kif it-titjira tagħhom lejn id-Danimarka tħassret. L-istorja jidher li reġgħet irrepetiet ruħha hekk kif għat-tieni…

Annimali

Għawwiema li dalgħodu kienu f’Wied iż-Żurrieq baqgħu mbellħa meta raw sajjieda jniżżlu l-art ħuta kbira. Id-dgħajsa tas-sajd daħlet mal-moll, u erba’ rġiel niżlu minnha jġorru ħuta kbira, li dehret li…

Qorti

Charlotte Zammit, omm Liam Debono, intbagħtet sentejn ħabs wara li nstabet ħatja li serqet diversi pompi tal-petrol. Fil-Qorti llum kompla jinstema’ l-każ tas-sinjura Debono fejn instabet ħatja li serqet flus…

Aktar