Tibdil fil-ħin tal-eżamijiet tal-MATSEC fost diversi proposti

Grupp ta’ ħidma fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jirrakkomanda 26 azzjoni biex tissaħħaħ l-edukazzjoni post-sekondarja bl-għan li aktar studenti jkomplu bl-edukazzjoni wara l-età obbligatorja. Ir-rapport tal-grupp, li issa jinsab għall-konsultazzjoni pubblika, ippropona fost oħrajn li tiġi esplorata l-possibbiltà li jiżdiedu l-kulleġġi post-sekondarji.

Tibdil fl-evalwazzjoni akkademika tal-istudenti u fil-ħinijiet tal-eżamijiet tal-MATSEC huma fost il-proposti li qed jagħmel il-grupp ta’ ħidma dwar l-edukazzjoni post-sekondarja.

Ir-rapport tal-grupp, b’26 proposta, jirrikonoxxi fost oħrajn il-ħtieġa li jitfassal pjan ta’ tranżizzjoni mill-edukazzjoni sekondarja għal dik post-sekondarja. Jipproponi wkoll li l-għalliema jingħataw aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u li l-Università u l-MCAST jirrevedu l-kriterji għad-dħul tal-istudenti fil-korsijiet kollha.

Iċ-Chairman tal-grupp ta’ ħidma, Dr Alex Grech, qal li s-settur post-sekondarju huwa wieħed kritiku. Fisser kif l-edukazzjoni post-sekondarja għandha trawwem liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw ħiliet varji lil hinn mis-suġġetti nfushom.

“Ħafna mill-impjegati fuq dawn ikun hemm il-lamenteli, jiġifieri jista’ jkollok xi ħadd li huwa gradwat imma, pereżempju, il-ħiliet komunikattivi tagħha jew tiegħu huma bikrin ħafna,” qal Dr Grech.

Filwaqt li saħaq dwar l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, Dr Grech stqarr li dan ir-rapport ta vuċi lill-istudenti u lill-għalliema li ġew ikkonsultati. “Dak li qed idejjaq iż-żgħażagħ qed idejjaq lill-għalliema u hemmhekk tibda tgħid mela ovvjament hawnhekk irrid nindirizza ċertu affarijet.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal li r-rapport joffri viżjoni prattika għall-edukazzjoni post-sekondarja. Sostna li ż-żmien post-sekondarju huwa kruċjali għall-formazzjoni taż-żgħażagħ, u stqarr li amministrazzjonijiet differenti ma tawhx importanza biżżejjed.

Ħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-konsultazzjoni pubblika li se ddum miftuħa xahrejn. Qal li wara li jintemm dan il-perjodu, se jitwaqqaf grupp ta’ azzjoni biex jitwettqu l-proposti finali.