Lokali
Proposta tal-K.E biex tieqaf il-kaċċa tal-gamiema s-sena kollha mhux aċċettabbli – l-FKNK

Fi stqarrija maħruġa mill-FKNK, il-federazzjoni qalet li mhux aċċettabbli l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li twaqqaf il-kaċċa tal-gamiema s-sena kollha.

L-FKNK qalet li l-maġġoranza tal-pajjiżi fejn issir il-kaċċa tal-gamiem, m’aċċettawx din il-proposta li resqet il-KE biex jagħmlu moratorju temporarju fuq din il-kaċċa waqt l-istaġun tal-ħarifa fl-Ewropa kollha.

Il-Greċja, il-Bulgarija u Ċipru ma qablux mentri Spanja, l-Italja u Malta daħħlu rinunzja.

Filwaqt li, l-opinjonijiet ta’ Franza, il-Portugall, ir-Romanija u l-Awstrija jistgħu jkunu wkoll kontra l-moratorju, dawn ma ħarġux ċari mill-laqgħat.

B’mod ġenerali, l-FKNK qalet li dak li ħareġ mill-laqgħat fi Brussell kien pożittiv, għax qed intbagħat messaġġ ċar lill-Kummissjoni Ewropea li l-proposta tal-moratorju fil-ħarifa, li daħlet fl-aħħar ftit żmien, ma sabitx is-sapport tal-Membri Stati.