X

Proposta għall-SMEs ta’ Alfred Sant approvata f’rapport mill-Parlament Ewropew

Alfred SANT in plenary session week 03 2016 in Strasbourg

Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu approvat ir-rapport dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal sistema komuni ta’ VAT fir-rigward ta’ skemi speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar.

Il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON) f’Lulju kien adotta l-emendi li ppropona l-Ewroparlamentari Alfred Sant lill-abbozz tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema speċjali ta’ eżenzjoni tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar madwar l-UE.

Fi stqarrija, Dr Sant spjega li l-iskema taġġorna arranġamenti diġà eżistenti li bihom l-SMEs huma eżentati minn ċerti obbligazzjonijiet ta’ VAT li huma amministrattivament diffiċli għalihom. Qal li testendi wkoll is-sistema tal-eżenzjoni għal intrapriżi żgħar li jibdew jesportaw.

Ġie spjegat li l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew –  bħala shadow rapporteur f’isem l-S&D –  kien ipropona bidliet favur l-SMEs li jaffaċċjaw fatturi staġjonali jew domanda irregolari, permezz ta’ estensjoni tar-reġim transitorju previst fid-Direttiva. Alfred Sant spjega li meta l-intrapriżi żgħar jaqbżu l-limiti ta’ eżenzjoni, għandhom jingħataw perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn, pjuttost milli ta’ sena, li matulhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ eżenzjoni. Dan biex ikunu aġevolati l-SMEs li jaffaċċjaw perijodi tajbin u oħrajn diffiċli fit-tkabbir ekonomiku tagħhom.

Ir-rapport approvat illum inkluda l-emendi tal-MEP Malti dwar l-iffaċilitar ta’ transazzjonijiet tal-intrapriżi żgħar f’ekonomiji żgħar bħal Malta u Għawdex.

Ir-rapport ġie approvat b’618 vot favur, 40 kontra u 24 astensjoni.