Ambjent
Proposti għall-iskema tar-rifużjoni fuq kontenituri tax-xorb

Is-settur privat fl-industrija tax-xorb, jidher determinat li l-iskema tar-rifużjoni fuq kontenturi tax-xorb titħaddem minnu stess u ma jridx operaturi oħra jidħlu għal din l-iskema li l-Gvern qal li ser tibda titħaddem mis-sena d-dieħla biex jonqos l-iskart. Fl-għeluq il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika li saret fuq din l-iskema, TVM huwa infurmat li saru 18-il proposta lill-Gvern fosthom mis-settur privat li qed jipproponi li l-iskema tkun fdata f’idejn fondazzjoni li tirrapreżenta diversi operaturi fis-settur.

Il-produtturi lokali u l-importaturi ta’ xarbiet li kull sena jiġġeneraw madwar 230 miljun kontinentur fis-suq qed jaħdmu fuq pjan biex ikun huma stess li joperaw l-iskema ta’ rifużjoni li tista’ tkun ta’ għaxar ċenteżmi fuq kull kontinetur li jiġu ritornati f’magni apposta u fi ħwienet li jidħlu fl-iskema.

Il-proposti f’dan is-sens saru lill-Gvern fost 18-il proposta li rċieva waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni. Il-proposta tal-operaturi fis-suq kienet kordinata mill-Kamra tal-Kummerċ, mil-GRTU, u miż-żewġ skemi għall-irkupru tal-iskart, il-Green Pak Coop u l-Green MT. Sorsi qrib l-industrija li tkellmu ma’ TVM qalu li l-istrateġija tagħhom hija li l-iskema fost oħrajn ikollha lanqas impatt possibbli fuq il-prezzijiet tax-xarbiet għal konsumatur.

Din l-istrateġija ġiet fdata f’idejn kumitat imwaqqaf apposta li qed jitmexxa minn Pierre Fava. Ma’ TVM, is-sur Fava saħaq li l-industrija hija sensittiva għall-ambjent iżda wkoll li tħares l-interessi kummerċjali tagħha.

Pierre Fava qal li “għandek data sensittiva dwar xi tkun qed tqiegħed fuq is-suq ; jiġifieri xi jkun qed jinbiegħ. U x’qed jinġabar ukoll. Aħna qed ngħidu, isma l-Gvern se jkun qed jagħmel awtorità – m’għandna ebda problema li l-awtorità tiġi tara d-data biex tkun taf x’qed jiġri imma mhux li tkun ħaġa pubblika; lanqas li tkun f’idejn xi ħadd li jista’ mbagħad jużaha hu għal gwadann ta’ profitt.”

Is-Sur Fava qal li l-proposti tagħhom iħarsu fatturi oħra fosthom biex tkun inklussiva anke għal ħwienet li m’għandhomx spazju fejn ipoġġu l-magni biex ma jiġux żvantaġġjati.

Pierre Fava qal li “min huwa kiosk, min huwa ħanut żgħir, aħna ser noffru app – ser nagħmlu device, biex inti tużaha u niġu niġbru manwalment il-borża mingħandek biex inti ma jkollokx problema ta’ storage”.

Is-Sur Fava qal li l-kumitat qed jissuġġerixxi li mar-ritorn tal-kontenituri tax-xorb li fuqu fost oħrajn ikun tħallas depożitu, jingħataw kupuni.

Pierre Fava qal li “jekk il-flixkun jaqa’ taħt il-parametri li għandha l-magna ġo fiha, jiġifieri li jkun vojt, li ma jkunx imqatta’; ma jkunx mgħaffeġ ikun sħiħ, jgħaddi mill-magna u ntuh il-kupun – kupun ta’ 10 ċenteżmi; dan jista’ jkun ipprintjat; li dak il-ħin isir kupun monetarju; jew jingħata fuq loyalty card”.

Is-Sur Fava saħaq li din l-iskema m’għandiex tieħu post iż-żewġ skemi awtorizzati li bħalissa qed jagħmlu l-irkupru tal-iskart għar-riċiklaġġ.

Il-Konsulent fil-Ministeru tal-Ambjent, Marc Muscat, qal li sal-aħħar ta’ dax-xahar, ser ikunu studjati l-proposti kollha li saru lill-Gvern.

Marc Muscat qal li “bħalissa għaddejjin minn perjodu fejn qed naraw kull punt li ġie sottomess biex naraw liema huma dawk il-punti tajbin li għandna nirrevedu fid-dokuemnt li ppreżentajna”.

Is-sur Muscat qal li jidher li hemm qbil ġenerali li d-depożitu fuq il-kontenitur tax-xorb ma jkunx iktar minn 10 ċenteżmi anke jekk kien hemm proposta biex dan ikun ta’ 25 ċenteżmu.

Marc Muscat qal li “il-pożizzjoni tagħna s’issa għandha tkun ta’ 10 ċenteżmi fuq kollox u r-raġuni hija biex inżommuha sempliċi kemm jista’ jkun; u fl-istess ħin meta rajna l-impatt fuq l-inflazzjoni li mhux sinifikanti u kif inhi użata s-sistema barra minn Malta sibna li 10c hija waħda mill-aktar komuni fl-Ewropa”.

Il-Ministeru tal-Ambjent jemmen li bl-implimentazzjoni ta’ din l-iskema, Malta tkun tista’ tagħmel pass ‘il quddiem lejn il-miri stabiliti mill-Unjoni Ewropea biex tirriċikla l-iskart tal-ippakkjar.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Grupp ta’ għaddasa li niżlu jgħoddsu f’Wied il-Għasri u Reqqa Point f’Għawdex ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ skart mhux tas-soltu mormi fil-baħar. L-għaddasa sabu għadd ta’ ġlud tal-fniek mormijin fil-baħar. Bil-kurrent,…

Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi dwar riħ qawwi li se jaħkem il-gżejjer Maltin. Ir-riħ mit-Tramuntana għall-Majjistral ser ikun qawwi għal qawwi ħafna kultant fuq il-Gżejjer Maltin. Din…

Politika Lokali

Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta qal li nnota d-dikjarazzjoni tal-familja Caruana Galizia wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant fuq allegazzjonijiet li oriġinalment għamlet Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qal li huwa…

Aktar