Unjoni Ewropea
Proposti ġodda “jogħġbu” lill-erba’ PM li s’issa kienu qed iżommu kollox

Proposti ġodda mressqa s-Sibt filgħodu mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel jidher li qed jinżlu tajjeb mal-erba’ stati membri li kienu qed iżommu iebes u ma ridux jiċċaqalqu pulzier fin-negozjati dwar il-Fond ta’ Rkupru mill-ħsara ekonomika li ħasad il-Coronavirus.

Il-pjan il-ġdid jixbaħ ħafna dak oriġinali u li sal-Ġimgħa tard bil-lejl kien għadu ma ntlaħaqx qbil fuqu.  Bid-differenza iżda li l-Olanda, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja ġew imwegħda għexieren ta’ miljuni ta’ ewro fi skont.  Fi kliem ieħor skont dawn il-proposti huma se jkunu qed jiffrankaw mal-mitejn miljun ewro billi jieħdu ħlasijiet lura – rebates – mill-flus li oriġinarjament ikunu ħarġu.  Il-pjan propost jinkludi wkoll  miljuni ta’ ewro riżervati għal reġjuni partikolari ta’ stati membri differenti taħt programmi differenti tal-UE.

Il-proposti jidher li niżlu tajjeb tant li sorsi spjegaw li l-kundizzjonijiet mitluba mill-Olanda biex jintrabtu mal-ħarsien tas-saltna tad-dritt f’pajjiżi tal-lvant tal-UE, u s-sejħa għal riformi fl-ekonomiji ta’ pajjiżi tan-nofsinhar tal-UE, jistgħu ma jibqgħux neċessarji.  Madanakollu l-proposti l-ġodda tal-President Michel għadhom jinkludu l-kundizzjoni tal-ħarsien tas-saltna tad-dritt  u issa hija mistennija r-reazzjoni tal-Ungerija u l-Polonja għal dan.

Bil-proposti l-ġodda il-bilanċ bejn l-għotjiet u s-self qed ixaqleb b’ħamsin biljun ewro oħra li qed jiġi propost li se jinghataw bħala self.  Madanakollu sitt ewro minn kull għaxra tal-Fond ta’ Rkupru se jkunu għotjiet diretti.

Filwaqt li l-proposti l-ġodda jikkonċernaw l-aktar il-Pjan ta’ Rkupru b’valur ta’ €750 biljun, il-pjan oriġinali dwar il-budget għas-seba’ snin li ġejjin jibqa’ l-istess b’valur ta’ ftit aktar minn elf biljun ewro.  F’dan il-kuntest il-PM Malti Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li l-budget għandu jagħraf ir-realtajiet ta’ Malta bħala gżira u mhux semliċement jagħti każ tas-suċċess ekonomiku tal-aħħar snin u tal-ġlieda kontra l-coronavirus.

Il-pjani l-ġodda kien diskussi f’laqgħat separati bilaterali li saru s-Sibt filgħodu qabel ma l-mexxejja kollha iltaqghu fil-plenarja.    Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waslet fil-bini tal-Kunsill Ewropew għall-ħabta tad-9.10am u kienet segwita ftit wara mill-PM tal-Olanda Mark Rutte. Flimkien iltaqgħu mal-President tal-Kunsill Michel, mal-President Franċiż Macron, mal-Kanċillier tal-Ġermanja Merkel kif ukoll mal-PM Taljan Conte.  Ftit wara l-Olandiż Rutte laqqa’ lill-erba’ PM li qed jappoġġjaw fil-pożizzjoni riġida li addotta sa issa jiġifieri l-Kanċillier Awstrijakk Kurz, il-PM tad-Danimarka Frederiksen u l-PM tal-Iżvezja Lofven.

Ara wkoll:

SUMMIT UE: Laqgħat bilaterali f’tentattiv li jinstab kompromess

Summit UE: Meħtieġa kompromessi jew ixolju

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar