Lokali
Proposti miżuri biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontrolli fl-industrija tat-tonn

Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed tipproponi 20 miżura biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontrolli fl-industrija tat-tonn kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art.

Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed issejjaħ għal miżuri ta’ kontroll kontra dak li sejħet frodi fl-industrija tat-tonn. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Dr Charlon Gouder qal li qed iressqu 20 proposta li huma ntiżi biex tiżdied ir-responsabilità fuq min imiss ma’ din l-industrija. Qal li l-esperjenza tal-Federazzjoni f’miżuri ta’ kontroll irriżultat b’mod pożittiv għaliex it-tonn minn speċi li ftit tas-snin ilu kienet f’riskju illum hija waħda sostenibbli.

“L-esperjenza li aħna għandna bħala leaders fejn tidħol din l-industrija irridu nużawha biex inkomplu nżidu r-responsabilità fuq kulħadd jiġifieri fuq l-operaturi, fuq min jaqbad il-ħut imma wkoll fuq min jipprova jikkumerċjalizza ħut illi jista’ ma jkunx legali.”

Il-Federazzjoni qed tipproponi fost oħrajn li jkun hemm reġistru nazzjonali li fih jitniżżel kull tip ta’ ksur tar-regoli fl-industrija tat-tonn, minn kull min imiss mal-industrija sew mill-baħar kif ukoll mill-art.

Proposta oħra hija d-dħul ta’ sistema ta’ punteġġi biex f’każ ta’ ksur serju sew mill-operaturi kif ukoll minn min jikkumerċjalizza t-tonn, jista saħansitra jitlef il-liċenzja biex jopera fl-industrija.

Filwaqt li wera ritratti ta’ abbużi minn dawk li sejjaħ dilettanti, fosthom tonn li jkun fil-gaġġeġ u jkollu sunnara mqabbda ma’ ħalqu, Dr Gouder qal li jridu jsiru kontrolli anki fuq l-art.

Miżuri oħra jaħsbu għal aktar investigazzjonijiet u għal penali amministrattivi jekk in-nuqqas jirriżulta li kien wieħed amministrattiv u mhux li sar b’intenzjoni u biex kull fejn jirriżulta li jrid jinħeles tonn żejjed dan iseħħ f’mhux aktar minn tliet ġimgħat minn meta jinqabad sabiex it-tonn ma jilħaqx jidra fil-gaġeg.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Koppja Maltija li tinsab abbord cruise fil-Mediterran għamlet appell imqanqal lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li ma titħalliex tinżel Malta. Marthese Bonello u Joseph Mercieca kitbu ittra pubblika…

Qorti

Tneħħew l-ispejjeż tal-qorti għal persuni li fil-ġranet u fil-ħinijiet normali tax-xogħol jitolbu li jinfetaħ ir-reġistru tal-qorti biex jippreżentaw rikorsi urġenti fir-reġistru tal-Qorti. Dan sar b’avviż legali minħabba li r-reġistru tal-qorti…

COVID-19

Ma nstab ħadd jikser il-kwarantina obbligatorja waqt l-425 spezzjoni li saru fl-aħħar sigħat madwar Malta u Għawdex, bl-appell jittenna biex kulħadd jibqa’ responsabbli u jikkopera mad-direttivi li jingħataw mill-awtoritajiet. Madanakollu 4…

Lokali

Wara riformi li saru inkluż tisħiħ tar-riżorsi umani fil-FIAU skont ir-rakkomandazzjonijiet, tal-Money u tal-Awtorità Bankarja Ewropea l-Aġenzija li tgħasses fuq il-ħasil tal-flus, kellha żieda qawwija f’rapporti dwar transazzjonijiet finanzjarji suspettużi….

Aktar