Politika
Protesta quddiem il-Parlament kontra ‘l-qarnita li ħakmet lil Malta’

Repubblika, Occupyjustice u manueldelia.com llejla organizzaw protesta quddiem il-Parlament biex iġeddu s-sejħa tagħhom għal ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia.

Fid-diskors tiegħu, il-President tal-għaqda, Dr Robert Aquilina, qal li l-protesta saret minħabba li hemm bżonn li jinqatgħu s-swaba’ ta’ dak li sejjaħ bħala qarnita li qal telgħet fuq l-art u daħlet fil-fond tal-istituzzjonijiet.

Dr Aquilina qal li l-korruzzjoni wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u sostna li dan ma setax iseħħ mingħajr politiċi u minħabba li fi kliemu l-istituzzjonijiet huma dgħajfa.

Il-President ta’ Repubblika qal li l-għaqda trid li l-istituzzjonijiet jingħataw kull mezz li jeħtieġu biex jaslu għall-verità u għall-ġustizzja sħiħa.

Il-protesta ġiet indirizzata minn Louiselle Vassallo li qalet kif mhux ngħixu f’ġenna tal-art u ladarba l-politiċi jibdew juru farka rispett, sostniet li forsi dakinhar il-pajjiż jibda jfieq u nibdew nitkellmu fuq l-għaqda tant mixtieqa.