Lokali
Prova li l-kumpaniji joperaw b’mod sostenibbli

Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Intrapriża ħabbar inizjattiva biex aktar kumpaniji lokali jkunu attraenti għall-investiment lokali u barrani. Dan se jsir billi se jinġabar f’post wieħed tagħrif dwar x’qed jagħmlu l-kumpaniji fl-oqsma ambjentali, soċjali u ta’ tmexxija.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li din l-inizjattiva twieġeb għat-talba ta’ investituri li jkunu jafu x’qed isir mill-kumpaniji f’dawn l-oqsma biex jiggarantixxu operat sostenibbli.

Fit-tliet xhur li ġejjin, il-Ministeru għall-Intrapriża se jiġbor mingħand kumpaniji kkwotati fil-Borża ta’ Malta informazzjoni relatata mal-operat sostenibbli tagħhom. Dan it-tagħrif se jinġabar fuq sit elettroniku apposta.

Operat sostenibbli mhux biss jgħin kumpanija tagħmel profitti imma jara li ma tkunx qed tagħmel ħsara lill-ambjent u tkun qiegħda tagħti lura xi ħaġa lill-komunità minn fejn topera. Dan jitkejjel permezz ta’ mekkaniżmu msejjaħ Environmental, Social, Governance Scoreboard.

“Sal-lum il-ġurnata dik id-dejta mhix daqshekk viżibbli għalkemm tkun fir-rapport annwali. Allura rridu naċċertaw ruħna li jkollna dan l-ESG scoreboard fejn min ikun irid jinvesti jara kull kumpanija x’inhi tagħmel vis-a-vis dawn it-tliet pilastri.”

Spjegat li fejn jidħol il-qasam ambjentali se jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-operat tal-kumpaniji, l-ammont ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija u riċiklagg tal-ilma fost oħrajn.

Fil-qasam socjali jara li tkompli tonqos il-gender pay gap u bilanċ akbar tal-ġeneru fil-bordijiet. Il-Ministru Dalli qalet li dan it-tip ta’ rappurtaġġ se jkun qed juri l-impenn tal-kumpanija anke fejn jidħol titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema u l-livell ta’ appoġġ li l-kumpaniji jipprovdu lill-impjegati b’abilitajiet differenti.

Fil-qasam tal-governanza u l-etika se ssir analiżi tal-mod kif il-bordijiet ta’ dawn il-kumpaniji joperaw. Il-Ministru Dalli qalet li din l-inizjattiva tilħaq seba’ miri li jagħmlu parti mill-miri tal-iżvilupp sostenibbli li jvarjaw mill-element soċjali, għas-saħħa u rappreżentanza aktar ugwali fost oħrajn.

“Irid ikollok tkabbir ekonomiku, irid ikollok kumpaniji li jagħmlu profitti imma fl-istess ħin irridu naraw li dawn il-kumpaniji l-operat tagħhom ma jkunx qed iħalli mpatti ambjentali negattiv u fl-istess ħin ikunu qed jipproteġu l-aspett soċjali.”

Qalet, li din l-inizjattiva qed issir ukoll f’kuntest fejn il-qasam regolatorju se jitlob li l-kumpaniji kkwotati fl-Ewropa jippubblikaw din it-tip ta’ informazzjoni, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Semmiet ukoll sensiela ta’ skemi u inizjattivi li diġà hemm fis-seħħ u li jgħinu lill-kumpaniji jinvestu biex l-operat tagħhom ikun wieħed aktar sostenibbli.