Kultura
“Provvidenza Gaetano” – dramm dwar ħajjet il-qaddis patrun tal-Ħamrun

Miet fl-età ta’ 67 sena fl-1547 f’Napli, sar qaddis 350 sena ilu u jibqa’ magħruf bħala l-qaddis tal-Providenza. Issa l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun qed ittella’ d-dramm dwar ħajjet San Gejtanu, il-qaddis patrun tal-lokalità.

Claire Preca Taroum segwiet il-provi tad-dramm “Provvidenza Gaetano – li emmen u ħabb” li jirrakkonta l-ħajja ta’ dan il-qaddis Taljan.

Wara 10 snin bil-ħsieb ta’ dramm iberren f’moħħhom l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun se ttella’ dramm f’għeluq it-350 sena mill-kanonizzazzjoni tal-qaddis tant maħbub mill-Ħamruniżi.

Dramm li jdur mal-ħajja ta’ dan il-qaddis magħruf għall-ħajja ta’ providenza li dejjem għex u s-solidarjetà li dejjem wera mal-fqar u l-morda.

Mark Mifsud se jinterpreta lil San Gejtanu meta kiber u maċ-ċentru tal-aħbarijiet qal li din hija sfida mhux tas-soltu.

“Responsabbilità kbira nħossha … qed inħoss it-toqol tal-Ħamruniżi kollu fuqi għax ovvjament San Gejtanu huwa tant għal qalb il-Ħamrunizi. Naħseb il-ħaġa li laqtitni l-aktar hija li hu kien dejjem moħħu biex jgħix bil-providenza … ‘il bogħod mill-affarijiet materjali ta’ din id dinja … messaġġ naqra għalina wkoll biex ma nkunux daqsekk materjalisti u ngħixu naqra aktar bil-valuri”.

Bil-provi li ilhom għaddejjin minn Marzu, u tim ta nies iddedikati, Tania Agius Borg – li qed tidderieġi d-dramm – tghid li ma kinitx daqsekk faċli tagħżel min se jinterpreta lil San Gaetanu kemm bħala tifel, kemm bħala żagħżugħ u fl-aħħar bħala adult u fil-fatt għaddew xhur sakemm ġew identifikati t-tliet atturi

“In-nies, meta ssemmilhom lil San Gejtanu, forsi tiġihom f’moħħhom il-Ħamrun, il-marċi kbar li għandna, il-briju, ix-xalar … però San Gejtanu huwa ħafna aktar min hekk … San Gejtanu huwa qaddis huwa r-raġel li tant għamel f’ħajtu li n-nies meta jiġu jarawna huwa hafna minn hekk”.

Id-dramm qed jittella fi tmiem din il-ġimgha fl-Istitut Kattoliku.