Lokali
Pruvaw jeħdulu l-kelba minn idu f’San Ġiljan

Kelba kienet se tispiċċa tinsteraq tard ilbieraħ f’San Ġiljan, anki jekk dak il-ħin sidha kien qiegħed iżommha biċ-ċinga.

Tfajla rrakkontat fuq il-midja soċjali kif is-sieħeb tagħha kien għaddej bil-kelba tagħhom minn Triq San Ġorg, meta raġel waqqfu u beda jitolbu jbiegħlu l-kelba.

Minkejja li huwa rrifjuta, dan baqa’ jinsisti, sakemm ħataflu ċ-ċinga u beda jordnalu jagħtih il-kelba.

It-tfajla qalet li hawn il-kelba ħasset li sidha kien mhedded u bdiet issir aggressiva, bir-raġel jgħajjat lil żewġ irġiel oħra biex imorru jgħinuh.

Dawn jidher iżda li bdew jibżgħu mill-kelba li bdiet tnejbilhom, u s-sid ħataf iċ-ċans biex jitlaq jiġri biha. L-irġiel iżda ma qatgħux qalbhom u baqgħu jsegwu lil sid il-kelba bil-karozza sakemm daħal fi triq ‘one way’.

It-tfajla qalet li dwar il-każ kienu għamlu rapport l-għassa, u wissiet lis-sidien tal-klieb biex joqgħodu b’seba’ għajnejn.