Kronaka
Psikologu tappella biex in-nies ma jiġġudikawx lill-omm li abbandunat it-tarbija

Sakemm Cristiano – it-tarbija tat-twelid li nstab abbandunat f’Buġibba – għadu rikoverat l-isptar fi stat ta’ saħħa tajba, l-awtoritajiet qed ifasslu l-pjani għall-kura u l-ħarsien tiegħu, TVM hu infurmat li meta Cristiano joħroġ mill-isptar, l-ewwel dar tiegħu se tkun għand is-sorijiet tal-Ursolini.

Fl-aħħar żviluppi, il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta Dr Joe Mifsud ħatar lill-Manager tac-Child Protection Services, Steve Libreri, biex jgħinu fl-inkjesta. Il-Maġistrat qed jaħdem mill-qrib mal-Ispettur Godwin Scerri mill-għassa tal-Qawra u l-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali f’każ li ġie deskritt bħala delikat.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li l-Maġistrat Joe Mifsud informa lill-kap eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali li l-Aġenżija Appoġġ tista’ tibda tmexxi bil-proċeduri biex it-tarbija titpoġġa taħt care order.

“Waqt l-interim, żmien tal-care order, ikun jista’ jsir assessment tal-familja jekk il-familja tat-tarbija titfaċċa, biex ovvjament naraw ir-raġunijiet x’wassal għal dak li ġara, u hemmhekk naraw x’inhu l-aħjar għal dan it-tarbija. F’każijiet li jkun hemm abbandun, jiġifieri l-ġenituri ma jiġux ‘il quddiem biex jieħdu t-tarbija tagħhom, jista’ jkun li t-tarbija timxi għall-addozzjoni,” tispjega Ingrid Vassallo, Operations Manager tal-Aġenzija Appoġġ.

Waħda mir-residenti f’Cyril Court, li sabu lit-tarbija fuq l-għatba, qalet li t-tarbija ma kienx ilha aktar minn tliet kwarti fuq l-għatba ta’ barra. “Xħin rajna t-tarbija mal-art inħsadna. Jien qabadni bħal bard kbir u kważi kważi ma ngħidlekx bdejt nibki wkoll u imbagħad ċempilna lill-pulizija għax ma messejnhijiex – għedtilhom tmissuhiex, ħalluha fejn hi – kienet imgeżwra ġo ġakkettina qisha.”

Qalet li t-tarbija ma kellha xejn aktar magħha ħlief il-ġakketta li kienet imgeżwra fiha. “Xejn xejn ma kellha. Kulma ma kellha ġakkettina fuqha u baby grow fuqha u baby grow minn taħt għax kienet tidher mill-komma… Lanqas fuq wiċċha ma kellhiex dmija, kienet kwieta, tiċċaqlaq, la tibki, xejn.”

Dan mhux l-ewwel każ tat-tip tiegħu f’pajjiżna. Każijiet bħal dawn għandhom żewġ uċuh: min-naħa li tarbija titħalla abbanunata, iżda min-naħa l-oħra l-fatt li t-tarbija tingħata ċans li tgħix.

Il-psikologu Roberta Farrugia Debono, li tispeċjalizza fil-qasam tal-familja qalet li min għamel dan il-ġest żgur m’għamlux b’nuqqas ta’ ħsieb.

“Biex tipproteġi lil dik it-tarbija jew biex tagħti l-aħjar lil dik it-tarbija riedet tagħmel dak il-ġest mela aħna rridu nifhmu lil din il-persuna u għaliex waslet biex tagħmilha u wkoll forsi nifhmu li għamlitha b’sens ta’ mħabba lejn dik it-tarbija għalkemm forsi ma tidhirx hekk forsi fl-għajnejn imma għarfet li dak kienet l-aħjar soluzzjoni għaliha f’dak il-ħin momentarju,” qalet Farrugia Debono.

Il-psikologu qalet li f’dawn iċ-ċirkostanzi jeżistu bosta servizzi li jgħinu kemm lit-tarbija u l-familja tagħha. Saħqet li l-agħar ħaġa li wieħed jista’ jagħmel hu li jiġġudika lil din il-familja, għax ħadd ma jaf l-istorja tagħhom.

“Ikun għaqli ħafna li minflok niġġudikaw nippruvaw ngħinu. Minflok niġġudikaw nipprovaw nifhmu lil dak li jkun iktar milli mal-ewwel nibdew inkunu kattivi fil-mod tagħna ta’ kif nitkellmu dwar il-persuni,” fissret il-psikologu.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Esebizzjoni li żżewwaq il-figurattiv mas-surreali, il-pitturi ta’ Alfie Gatt jinstigaw u jnebbħu l-kilba għal dak li huwa naturali. “Love Letter” hija kollezzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi mimlija immaġinazzjoni. Alfie Gatt huwa…

Lokali

Heritage Malta qed tkompli bl-inizjattivi biex tagħti tifsira ħajja lis-siti storiċi li tamministra. Attività oħra f’din is-sensiela ser issir is-Sibt li ġej fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat fejn ser issir…

Edukazzjoni

Tliet elef, tliet mija u ħamsa u erbgħin persuna din is-sena se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta f’livelli differenti li jibqgħu telgħin sa dottorat. Iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni jibdew nhar it-Tnejn u jibqgħu…

Lokali

L-isfidi prinċipali li qed jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u medji ġew diskussi f’seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem bħala parti minn kampanja Ewropea li qed tippromovi l-kultura intraprenditorjali. Il-President tal-Assoċjazzjoni…

Aktar