Pulizija
Pulizija bi snin ta’ esperjenza gwida għal pulizija ġodda

Pulizija ġodda qegħdin isibu spalla u gwida minn oħrajn b’esperjenza. F’inizjattiva ġdida li daħlet fis-seħħ mal-aħħar reklutaġġ, minn issa ‘l quddiem fl-ewwel sentejn ta’ servizz, kull kuntistabbli ġdid għandu punt ta’ referenza f’membru ieħor li jibqa’ jsegwih tul il-perjodu tal-probation.

Aktar minn 30 surġent u kuntistabbli tal-Pulizija li għandhom ‘il fuq minn 12-il sena servizz qed iservu ta’ gwida għal kważi 60 uffiċjal tal-Pulizija li għadhom kemm bdew karriera fil-korp. L-inizjattiva ta’ mentoring daħlet fis-seħħ b’mod uffiċjali f’Marzu li għadda u qed titħaddem fil-lokalitajiet mal-Pulizija tad-Distrett u tal-Komunità. Ir-rekluti l-ġodda jibqgħu segwiti għal sentejn sakemm jintemm il-perjodu tal-probation.

L-idea tnebbħet mis-Surġent Valerie Mifsud li ma’ Television Malta spjegat li għal dan il-proġett ħarġet sejħa interna li minnha ntgħażlu uffiċjali dedikati b’ħiliet ta’ tmexxija. Is-Surġent Mifsud spjegat li wara t-teorija fl-Akkademja, b’dan il-mod l-uffiċjali l-ġodda jitgħallmu diversi affarijiet bażiċi li jiltaqgħu magħhom fil-prattika minn sempliċi rapport u x’għandhom ifittxu waqt ronda sa affarijiet iktar serji fosthom xamma ta’ xi reat, bħal serq.

“X’għandu wieħed isaqsi lill-vittma. Kif għandek iġġib ruħek ma’ vittma. Kif għandek tittratta magħha. X’għandek tinnota. X’dettall trid tieħu. Lil min għandek tinforma. Imbagħad kif se tagħmel dan ir-rapport pass pass biex l-investigaturi tagħna l-ispetturi jistgħu jimxu fuqu u jidħlu għal iktar investigazzjoni u jinqabad il-ħati.”

Wieħed mill-mentors hu s-Surġent Fortune Calafato mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid. Itqajna miegħu u mal-kuntistabbli li qed isegwi fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid.

“Kif ikollna informazzjoni fuq rapport nieħu lil mentee miegħi u niggwidah xi jrid jagħmel u ma jridx ħalli meta għada pitgħada jkun fuq biċċa xogħol waħdu jkun jaf x’għandu jagħmel u x’m’għandux jagħmel.”

Għall-Kuntistabbli Duane Guntrip, fis-Surġent Calafato sab spalla u gwida.

“Kuljum qed niltaqa’ ma’ affarijiet ġodda li bħala ċittadin qatt ma kont niltaqa’ magħhom. Ovvjament ikun naqra ta’ xokk xi kultant. Però sibt ħafna għajnuna mill-mentor tiegħi.”

L-istess isir mal-Pulizija tal-Komunità, bis-Surġent Ian Vella jgħid li mill-esperjenza tiegħu jrid jgħallem lill-pulizija l-ġodda waqt ir-rondi.

“Waqt ir-ronda nduru għal ħafna affarijiet fosthom affarijiet tal-bajja u kontravenzjoni u jien niggwidahom fit-triq it-tajba sabiex meta ma jkunx hemm jien magħhom ikunu jafu kif għandhom jaġixxu f’dak il-waqt.”

Il-Kuntistabbli Joseph Bugeja qal li l-edukazzjoni hi għodda kruċjali f’idejn il-Pulizija.

“Ngħallmuha u mbagħad jekk ma tismax, noħorġu l-kontravenzjoni. Però l-ewwel nġibuha magħna. Nedukawha. Dak hu l-almu tagħna.”

Is-sistema tal-mentoring se tkompli titħaddem mar-rekluti l-ġodda.