Lokali
AĠĠORNAT: Pulizija bil-mutur jindarab gravi f’inċident f’Tas-Sliema

Kuntistabbli tal-Pulizija mit-taqsima tat-traffiku ndarab gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ kmieni waranofsinhar f’Tas-Sliema.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.00pm fi Triq it-Torri meta seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn mara ta’ 30 sena minn Ħal Qormi u mutur tal-pulizija misjuq mill-kuntistabbli ta’ 29 sena. Mad-daqqa l-mutur spiċċa jitkaxkar diversi metri u wieqaf mal-bankina.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-Pulizija u ħadu l-isptar Mater Dei b’ambulanza.

Kawża tal-inċident kellha tingħalaq t-triq. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.