Lokali
Pulizija jgħin tifel bil-lukimja li nqabad fix-xita waqt li kien sejjer l-isptar għall-kura

Ġest sabiħ ta’ Pulizija għen biex tifel jasal l-isptar u jieħu t-trattament tal-kimoterrapija.

Puttinu Cares qalet li t-tfajjel Luca Piccione kellu jmur l-isptar jieħu l-kimoterapija għal-lukimja. Madankollu, hu u ommu nqabdu fil-maltempata u ma setgħux jaslu l-isptar. Minħabba li l-ilma kien għoli ħafna, li jwassal sal-irkoppa, huma kellhom iħallu l-karozza ‘l bogħod mill-isptar. Inzerta li dak il-ħin kien għaddej pulizija li għenhom jaslu l-isptar u b’hekk Luca seta’ jieħu t-trattament fil-ħin.

Din kan kien biss wieħed minn bosta interventi li wettqu l-forzi tal-ordni f’pajjiżna biex jassisti lill-pubbliku li nqabad fil-maltemp. Fil-fatt kemm-il Pulizija, kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Forzi Armata u gwardjani lokali ħadmu bla waqfien biex jgħinu lil bosta li nqabdu fl-ilmijiet. Fost dawn kien hemm ħames persuni li ġew salvati wara li nqabdu bil-karozza f’ilmijiet kbar fis-Salini.

F’Burmarrad, ħaddiema tal-Aġenzija tal-Infurzar (LESA) salvaw raġel li nqabad f’ilmijiet kbar f’Burmarrad. 

Filwaqt li fil-Wied ta’ Birkirkara, pulizija flimkien ma’ persuni oħra għenu lil Alison Bezzina, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali li nqabdet bil-karozza fl-ilmijiet. 

Dalgħodu, waqt l-aħbarijiet ta’ TVMNews+, id-Direttur tal-Protezzjoni, Ċivili Emanuel Psaila qal li l-kwantità ta’ ilma li niżlet f’daqqa dalgħodu affettwat il-pajjiż kollu b’mod partikolari t-toroq mibnija fil-widien bħal dawk fl-Imsida u Burmarrad. Qal li d-Dipartiment kellu domanda kbira ta’ persuni maqbudin ġewwa l-karozzi tagħhom tant li rdoppja l-forza tal-ħaddiema biex jilqgħu għad-domanda.

Kelliem għall-Uffiċċju Meterjoloġiku qal ma’ tvm.com.mt li l-maltempa li laqtet lill-gżejjer Maltin illum tista’ titqies bħala waħda mill-agħar li laqtet lil Malta.